Il-hold-up li spiċċa fi traġedja
Kien għall-ħabta tal-10.45 ta’ filgħodu meta l-fergħa tal-Bank of Valletta fi Triq il-Ħelsien, Ta’ Farsina, Ħal Qormi, saret ix-xena ta’ delitt li baqa’ imniżżelfl-istorja kriminali ta’ Malta. Karozza Lada Samara ħamra, li aktar tard irriżulta li kienet misruqa, waqfet quddiem il-bank b’erba’ persuni fiha.
Minnha niżlu tlett irġiel mgħammda u armati, filwaqt li persuna oħra baqgħet fil-karozza. Żewġ ħallelin kellhom rashom mgħottija b’tights tan-nisa, wieħedkien liebes balaklava sewda u ieħor maskra tal-Karnival.
L-aħħar azzjoni ta’ Roger Debattista
PC Roger Debattista, li kien għassa fuq il-post, induna minnufih li kienet se ssir serqa hekk kif ra lill-irġiel neżlin mill-karozza permezz tas-sistema tas-CCTV tal-bank. Skont il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, John Rizzo, il-pulizija wissa lill-ħames klijenti u lis-seba’ impjegati biex jinżlu fl-art u pprova jsakkar il-bieb tal-bank biex ma jħallix lill-ħallelin jidħlu ġewwa.
Kien f’dan il-mument li wieħed mill-ħallelin resaq lejn il-bieb u, minn distanza qrib ħafna, spara tir minn senter lejn PC Debattista minn ġol-ħġieġ tal-bieb.
Il-pulizija mexa ftit passi lura, waqa’ fl-art u spiċċa f’għadira demm, b’dik l-azzjoni kuraġġuża tkun l-aħħar waħda tiegħu.
Serqa li damet minuta
Wara li sparawlu, il-ħallelin daħlu jiġru fil-bank. Wieħed minnhom beda jhedded lill-klijenti u lill-impjegati, filwaqt li tnejn oħra marru direttament lejn il-kaxxiera u ħadu l-flus.
B’kollox, il-ħallelin ħarbu b’madwar Lm5,500. Qabel telqu, huma ħadu wkoll l-arma tas-servizz ta’ PC Debattista u borża tas-sigurtà li kien fiha l-hekkimsejjaħ bait money, li jarmi linka permanenti fuq il-karti tal-flus.
Il-ħarba u l-investigazzjoni
Il-ħallelin ħarbu bil-Lada Samara, li ftit wara nstabet abbandunata. Il-marki friski tat-tyres indikaw li ntużat ukoll karozza oħra bħala vettura ta’ ħarba, li dak il-ħin ma nstabitx.
Ftit minuti wara, fuq il-post waslu Ħal Qormi bosta uffiċjali tal-Pulizija. PC Debattista ttieħed b’urġenza l-Isptar San Luqa u ddaħħal fit-Taqsima tal-Emerġenza, fejn ġie operat, iżda miet ftit tal-ħin wara minħabba l-ġrieħi gravi li ġarrab.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Noel Cuschieri, ordna inkjesta maġisterjali, filwaqt li esperti forensiċi u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Istħarriġ Kriminali mexxewl-investigazzjonijiet fuq il-post.
Xokk fil-Korp tal-Pulizija
Il-qtil ta’ PC Roger Debattista ħalla xokk kbir fil-Korp tal-Pulizija u fil-pajjiż kollu. Missier ta’ tlett ibniet żgħar, hu ġie mfakkar bħala pulizija ddedikat li sal-aħħar mument ta’ ħajtu pprova jipproteġi lill-pubbliku.
Sa tard dakinhar stess, il-Pulizija kienet diġà arrestat żewġ persuni biex jgħinu fl-investigazzjonijiet, hekk kif l-istħarriġ kompla għaddej.