L-organizzazzjoni Malta Women's Lobby (MWL) ħarġet sqarrija fejn ikkundannat kwalunkwe “tentattiv biex tittejjeb il-perċezzjoni pubblika ta’ nies li nstabu ħatja mis-sistema legali…”
F'din l-istqarrija, l-organizzazzjoni kienet qed tirreaġixxi għal dak illi ġie deskritt minnha bħala ''l-ħasil tar-reputazzjoni'' ta' Justin Haber mix-xandar Ricky Caruana. Justin Haber, delinkwent sesswali kkundannat, nstab ħati li fastidja sesswalment minorenni li kienet impjegata fir-ristorant tiegħu f’Marsaxlokk.
Il-Malta Women's Lobby kompliet tgħid illi t-tentattivi biex titjieb l-immaġni pubblika ta’ individwi li nstabu ħatja mill-qrati ma jippromwovux il-ġustizzja jew il-fejqan għall-vittmi, u minflok jistgħu jimminimizzaw l-esperjenza ta' dawk li sofrew l-abbuż.
L-organizzazzjoni enfasizzat illi d-diskors pubbliku għandu jipprijoritizza il-ħtieġa li jinstemgħu l-vittimi u li jkun hemm rikonoxximent tat-tbatija tagħhom, u li jiġi żgurat ta’ aċċess għall-appoġġ meħtieġ mill-vittmi. Il-Malta Women's Lobby wissiet kontra narrattivi li jiffokaw fuq dawk li qed ifittxu li jirrijabilitaw ir-reputazzjoni tagħhom, billi argumentat li manuvri bħal dawn iwasslu sabiex jitwarrbu l-vittmi.
Id-dikjarazzjoni ta' Malta Women's Lobby poġġiet enfasi partikolari fuq dawk in-nisa u l-bniet li ġew imweġġgħin minn individwi li eżerċitaw poter, kontroll jew biża’, kif kien il-każ fir-ristorant ta’ Justin Haber.
Il-Malta Women’s Lobby appellat ukoll lill-istituzzjonijiet u l-komunitajiet sabiex jiżguraw li l-espressjonijiet ta’ solidarjetà mal-vittimi jkunu akkumpanjati minn azzjoni, inklużi miżuri li jiżguraw il-ġarr ta' responsabbiltà minn dawk ħatja u kull protezzjoni u appoġġ sostnut għall-vittmi.
“Ir-responsabbiltà tagħna bħala soċjetà hija li niffukaw fuq il-vittmi, mhux fuq dawk li qegħdin jippruvaw jirrijabilitaw ir-reputazzjoni tagħhom,” kompliet tgħid il-Malta Women's Lobby.