L-Assoċjazzjoni tal-Istaf Akkademiku tal-Università ta’ Malta (UMASA) ħabbret direttivi industrijali lill-istaff akkademiku wara li ma ntlaħaqx ftehim mal-gvern dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid.
L-akkademiċi ġew istruwiti ma jorganizzawx u lanqas jattendu laqgħat ta’ natura amministrattiva jew ta’ tmexxija. L-għaqda qalet li r-raġuni ewlenija għal dawn id-direttivi hija l-proposta finanzjarja li rċevew mill-gvern, li qalet kienet ‘ferm taħt l-aspettattivi’ tagħhom.
UMASA spjegat li kienet tat ġimgħa oħra lill-gvern biex jirrevedi l-proposta, iżda ma wasal l-ebda aġġornament.
Fil-bidu ta’ Novembru, UMASA kienet dikkjarat tilwima industrijali mal-Università ta’ Malta, billi sostniet li n-negozjati dwar il-pakkett finanzjarju ilhom staġnati għal aktar minn sena u li kienet ilha tistenna risposti konkreti.
Id-direttivi jkopru laqgħat tad-dipartimenti, il-fakultajiet, l-istituti, iċ-ċentri u l-iskejjel, kif ukoll kull tip ta’ laqgħat oħra tal-istaff jew bordijiet professjonali li jinvolvu amministrazzjoni.
Madankollu, UMASA ċċarat li bordijiet ta’ etika tar-riċerka, reklutaġġ, promozzjoni u estensjoni ta’ rtirar huma eżentati minn dawn id-direttivi sabiex ma tkunx affettwata l-proċedura akkademika essenzjali.
UMASA qalet li l-azzjonijiet tagħha huma maħsuba biex jagħtu spinta tan-negozjati u li l-objettiv jibqa’ ftehim ġust għall-istaff akkademiku.