L-EPP, taħt il-presidenza ta’ Manfred Weber, qed jippjana li jissieħeb ma’ forzi politiċi tal-lemin u tal-estrem lemin fuq pakkett leġiżlattiv li jnaqqas ir-regolamenti ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta, jekk tiġi approvata, tnaqqas in-numru ta’ kumpaniji li jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar l-impatt ambjentali tagħhom.
Skont Politico, dan il-pass ġej wara li żewġ ġimgħat ilu falliet votazzjoni fuq verżjoni aktar wiesgħa tal-istess pakkett. L-EPP sab ruħu quddiem deċiżjoni diffiċli: jew jikkomprometti maċ-ċentristi biex iżomm il-koalizzjoni tradizzjonali, jew iħares lejn il-lemin għal appoġġ ġdid.
Issa jidher li Weber għażel it-tieni triq. F’laqgħa tal-mexxejja tal-EPP nhar it-Tlieta, huwa qal li l-partit se jfittixx maġġoranza bil-lemin wara li s-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) irrifjutaw jappoġġjaw il-kompromess inizjali.
Matul l-aħħar sena, l-EPP uża l-influwenza dejjem tikber tal-MPEs tal-lemin biex jimbotta ‘l quddiem l-aġenda tiegħu, inkluż inizjattivi li sabu appoġġ mill-estrem lemin, għalkemm il-partit jgħid li qatt ma negozja direttament magħhom dwar il-kontenut.
F’intervista lil Politico f’Mejju, Weber kien qal li “il-membri tal-estrem lemin jinsabu hawn, għandhom vot ... u l-EPP għandha prinċipju wieħed — li żżomm il-wegħdiet tagħha.”
Dan il-pass ġie kkritikat minn gruppi politiċi oħra. Il-MEP tal-Greens, Kira-Marie Peter Hansen, qalet li kienet diżappuntata li l-EPP irrifjutat li tkompli d-diskussjonijiet dwar il-pakkett ambjentali, u wissiet li din id-deċiżjoni tista’ ddgħajjef l-isforzi tal-UE biex tilħaq l-objettivi tagħha fil-qasam klimatiku.