L-MUMN twissi dwar konsum ta’ alkoħol u kannabis fl-Isptar Karen Grech
L-MUMN issostni li kemm il-pazjenti kif ukoll l-istaff qed ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet perikolużi u inaċċettabbli
More in Socjali
L-MUMN issostni li kemm il-pazjenti kif ukoll l-istaff qed ikunu soġġetti għal kundizzjonijiet perikolużi u inaċċettabbli
L-Unjoni Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera(MUMN) ħarġet stqarrija qawwija nhar l-Erbgħa, fejn allegat li pazjenti fl-Isptar Karen Grech qed jikkunsmaw alkoħol u anke kannabis fi ħdan il-faċilità medika, u li s-sitwazzjoni qed tpoġġi kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-istaff f’periklu.
Skont l-unjin, infermiera fil-ward tar-riabilitazzjoni kienu ilhom jissottomettu rapporti ta’ inċidenti u jitolbu intervent tas-sigurtà, iżda dawn ġew injorati mill-maniġment. “Din wasslet biex ċerti pazjenti jiddominaw l-ambjent tal-ward, jhedddu u joffendu lill-infermiera,” sostniet l-MUMN.
L-MUMN żiedet tgħid li kien biss wara li ttieħdet azzjoni industrijali li pazjent li nqabad ipejjep il-kannabis ġie trasferit l-Isptar Monte Karmeli.
Akkużi ta’ negliġenza u intimidazzjoni
L-Union akkużat lill-Kap Eżekuttiv u lill-Kap Maniġer tal-Infermiera ta’ “negligenza maniġerjali gravi”, billi allegat li rapporti ripetuti dwar abbuż u ksur tad-dixxiplina ġew injorati jew moħbija. “Kien hemm pazjenti li akkumluw aktar minn 15-il rapport, iżda l-ebda azzjoni protettiva ma ttieħdet,” qalet l-istqarrija.
L-MUMN sostniet ukoll li l-maniġment ipprova jrażżan rapporti u jbeżża’ infermiera li rrikorrew għall-għajnuna tal-unjin, li aggravaw is-sitwazzjoni aktar. L-unjin irrimarkat li żdiedu l-każijiet ta’ burnout u sick leave fost il-persunal.
Struttura fi stat ta’ periklu
Minbarra l-kwistjonijiet ta’ imġiba, l-MUMN irrimarkat li l-kundizzjoni tal-bini nnifsu huwa “allarmanti”, b’partijiet mis-saqaf u l-plaster jaqgħu f’diversi wards, fosthom f’R1, fejn anke t-toilets tal-qraba ġew magħluqa minħabba riskju strutturali.
“Il-faċilità teħtieġ rinnovament urġenti,” wissiet l-unjin, li saħqet li sezzjonijiet tas-saqaf jistgħu saħansitra jikkollassaw jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MUMN ħabbret li ddikjarat tilwima industrijali u ħarġet direttivi biex tipproteġi lill-membri tagħha fl-isptar.
“Il-kundizzjoni attwali ta’ negliġenza, inkompetenza maniġerjali u falliment sistematiku f’Karen Grech Hospital ma tistax u mhux se tiġi ttollerata,” temmet tgħid l-istqarrija, filwaqt li talbet azzjoni immedjata kontra l-Kap Eżekuttiv u l-Kap Maniġer tal-Infermiera tal-isptar.