L-iskejjel tal-knisja u r-reliġjonijiet l-oħra … għal min huma tassew dawn l-iskejjel?

Post fuq grupp popolari ta’ Facebook ta’ ġenituri qajjem maltempata ta’ kummenti wara li tħallew jidhru listi ta’ skejjel tal-Knisja li jaċċettaw tfal minn reliġjonijiet differenti — Ħafna ġenituri jħossu li dan imur kontra l-valuri Kattoliċi u l-identità stess ta’ dawn l-istituzzjonijiet edukattivi 

Fost l-iskejjel, Sacred Heart College (San Ġiljan), St Dorothy School (Tas-Sliema), St Augustine School (Tal-Pietà), u s-Seminarju tal-Arċisqof (ir-Rabat) jaċċettaw biss Kattoliċi u Nsara, filwaqt li St Paul’s Missionary College (ir-Rabat) jidher li jaċċetta Kattoliċi biss.
Fost l-iskejjel, Sacred Heart College (San Ġiljan), St Dorothy School (Tas-Sliema), St Augustine School (Tal-Pietà), u s-Seminarju tal-Arċisqof (ir-Rabat) jaċċettaw biss Kattoliċi u Nsara, filwaqt li St Paul’s Missionary College (ir-Rabat) jidher li jaċċetta Kattoliċi biss.

Diskussjoni li bdiet minn post fuq grupp fuq Facebook “Ommijiet Ngħinu lil Xulxin” splodiet f’dibattitu kbir dwar x’inhi l-identità vera tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Il-mistoqsija hija waħda sempliċi: għaliex skejjel tal-Knisja qed jaċċettaw tfal ta’ reliġjonijiet oħra? Iżda r-risposti li segwew kienu ħafn’aktar kumplessi — mimlija emozzjoni, rabja, u sens ta’ tradiment. 

Il-post oriġinali kien juri lista ta’ skejjel fejn ġie indikat jekk jaċċettawx tfal ta’ reliġjonijiet kollha jew biss Kattoliċi u Nsara. Minn fosthom, Sacred Heart College (San Ġiljan), St Dorothy School (Tas-Sliema), St Augustine School (Tal-Pietà), u s-Seminarju tal-Arċisqof (ir-Rabat) jaċċettaw biss Kattoliċi u Nsara, filwaqt li St Paul’s Missionary College (ir-Rabat) jidher li jaċċetta Kattoliċi biss

Min-naħa l-oħra, ħafna skejjel oħra, fosthom De La Salle, St Benild, St Albert the Great, St Jeanne Antide, St Monica, St Michael, St Elias, u Stella Maris, jaċċettaw tfal minn reliġjonijiet differenti. 

“Kif jista’ jkun skola tal-Knisja, imma mhux tal-Kattoliċi?” 

Ħafna ġenituri esprimew rabja, jgħidu li l-isem “tal-Knisja” għandu jimplika kriterji ta’ fidi. “Inti tibgħat lit-tfal fi skola tal-Knisja għax forsi trid li jitrabbew fil-valuri Kattoliċi, u mhux f’ambjent imħallat,” kitbu. “Jekk issa qed jaċċettaw lil kulħadd, allura x’inhi d-differenza bejn skola tal-Knisja u waħda tal-Gvern?” 

Ġenitur ieħor semma l-inkonsistenza li, fl-applikazzjoni, il-ġenituri Kattoliċi jkollhom iġibu ċertifikat tal-Magħmudija, filwaqt li tfal minn reliġjonijiet oħra jidħlu mingħajr dan ir-rekwiżit. “Din hi diskriminazzjoni bil-maqlub,” qal wieħed. “Jew nittrattaw lil kulħadd bl-istess mod, jew inkella ma nsejħulhomx ‘skejjel tal-Knisja’.” 

Il-paragun mal-iskejjel Musulmani 

Bosta kummenti għamlu dan il-paragun: “Ejja naraw jekk aħna l-Kattoliċi nistgħux nibagħtu lil uliedna fi skola Musulmana,” qal wieħed b’ton sarkastiku. “Taqbdux tgħidu li d-dinja trid tkun miftuħa għar-reliġjonijiet kollha, għax kulħadd jaf li hemmhekk ma jiġix aċċettat kulħadd sakemm ma tkunx Musulman.” 

Din il-fehma tirrifletti sentiment komuni fost ħafna Maltin: li l-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu l-aħħar bastjun tal-identità Nisranija f’pajjiż li qed isir dejjem aktar sekulari u multikulturali. Wieħed jaf jistaqsi u jgħid li ma nistgħux nibqgħu nċedu fuq kollox f’isem il-politika tal-‘inklużjoni’. U forsi llum jitneħħa ċ-ċertifikat tal-Magħmudija, għada jitneħħa s-salib … fejn se jwassal dan kollu? 

Il-lezzjonijiet tar-reliġjon — għal min huma? 

Il-mistoqsija li qajmet ħafna diskussjoni kienet dwar x’jiġri waqt il-lezzjonijiet tar-reliġjon. “Dawn it-tfal mhux Kattoliċi x’jitgħallmu? Jitgħallmu dwar Kristu bħat-tfal l-oħra, jew jagħtuhom xi klassi separata?” staqsa ġenitur wieħed. “U jekk jagħtuhom lezzjonijiet ta’ reliġjonijiet oħra, allura kif jista’ jkun li dan iseħħ f’ambjent Kattoliku?” 

“Kollox sar flus” 

Ħafna kummenti semmew ukoll il-fattur finanzjarju. “Kollox sar flus,” qal ġenitur. “Ħafna mill-iskejjel tal-Knisja m’għadhomx jaraw lil min qed jidħol bħala parti mill-komunità reliġjuża, imma bħala numru li jħallas jew jimla postijiet. Din hi l-verità kerha.” 

Xi wħud fakkru li diġà kien hemm dibattiti simili meta xi snin ilu kien hemm min ippropona li jitneħħa s-salib mill-klassijiet tal-iskejjel statali. “Dak iż-żmien il-poplu rreaġixxa. Issa jidher li l-istess istituzzjonijiet li darba ddefendew is-simboli tagħna, qed iċedu mill-istess prinċipji tagħhom.” 

X’inhi t-tifsira ta’ “skola tal-Knisja” llum? 

F’soċjetà li qed tinbidel, il-Knisja tgħid li trid tkun miftuħa u inklussiva. Iżda l-ġenituri Kattoliċi jħossu li f’dan il-proċess ta’ “miftuħin għal kulħadd”, qed jitilfu dak li jagħmel l-iskejjel tal-Knisja differenti. 

Jekk skola tal-Knisja ma tibqax tagħti prijorità lill-fidi Kattolika, ma tibqax titlob il-Magħmudija, u ma tagħmilx differenza bejn Kattoliku u mhux Kattoliku — allura għal ħafna, il-kelma “tal-Knisja” saret biss titlu formali, mhux spiritwali. 

Forsi wasal iż-żmien li l-Knisja f’Malta tagħti risposta ċara: trid tibqa’ l-għajn tal-edukazzjoni Nisranija tradizzjonali, jew issir parti minn sistema sekulari fejn il-fidi hija biss għażla fakultattiva? 

S’issa, il-ġenituri jħossu li l-mistoqsija baqgħet mingħajr tweġiba. 

More in Socjali