Peter Agius jimbotta għal liġijiet Ewropej li jiggarantixxu mediċini aċċessibbli għal Malta

L-MEP Malti Peter Agius qed jressaq serje ta’ proposti fil-Parlament Ewropew biex isaħħaħ l-aċċess u l-affordabbiltà tal-mediċini f’Malta

L-MEP Malti Peter Agius ressaq sensiela ta’ proposti fil-Parlament Ewropew bil-għan li jsolvi l-problema kronika ta’ nuqqas ta’ mediċini u prezzijiet eċċessivi li qed jaffettwaw eluf ta’ familji Maltin. Agius, li hu membru fil-Kumitat tas-Saħħa, qal li l-għan tiegħu hu li jsaħħaħ il-vuċi ta’ pajjiżi żgħar bħall-Malta fil-politika farmazewtika Ewropea.

F’intervent tiegħu, Agius qal li ħafna familji f’Malta jħossu l-piż ta’ mediċini li jispiċċaw out of stock jew li jiswa ħafna aktar milli f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Spjega li l-problema ġejja mid-diffikultajiet tal-gvern u l-importaturi biex jiksbu l-mediċini meħtieġa f’suq żgħir bħal dak Malti. “Għalhekk ħadt azzjoni konkreta fil-Parlament Ewropew permezz ta’ emendi li jtejbu l-aċċess u l-affordabbiltà tal-mediċini,” qal.

Il-proposti ta’ Agius jinkludu bidliet fil-“Critical Medicines Act”, fir-“Regolament Farmazewtiku Ewropew” u fid-“Direttiva Farmazewtika”, kollha bil-għan li pajjiżi iżgħar ma jibqgħux żvantaġġati.

Waħda mill-aktar miżuri importanti hi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ xiri konġunt fejn tliet stati membri jistgħu jixtru mediċini flimkien bil-garanzija tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-pass jista’ jnaqqas il-prezzijiet u jtejjeb id-disponibbiltà fis-swieq iżgħar. Agius qed jimbotta wkoll għal QR code fuq il-pakketti tal-mediċini biex kull pazjent ikollu aċċess immedjat għal informazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż, u biex Malta tkun tista’ timporta mediċini minn iktar pajjiżi Ewropej u mhux biss minn dawk li jużaw l-Ingliż.

Proposta oħra tħares lejn estensjoni tad-deroga li tippermetti lil Malta tkompli timporta mediċini mir-Renju Unit wara l-Brexit, sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ prodotti mediċi vitali.

Skont Agius, dawn il-proposti għandhom l-għan li jassiguraw li l-familji Maltin ma jibqgħux imħallsa aktar minn oħrajn jew jistennew snin biex jiksbu mediċini ġodda. “Għandna nużaw is-saħħa kollettiva tal-Ewropa biex negħlbu l-isfidi ta’ Stati Membri żgħar bħalma hi Malta,” temm jgħid.

More in Socjali