Il-Kamra tal-SMEs ippreżentat il-proposti tagħha għall-Baġit 2026, fosthom sejħa biex it-taxxa korporattiva tinżel minn 35% għal 25% fuq l-ewwel €250,000 ta’ profitt, flimkien ma’ sensiela ta’ miżuri biex isaħħu n-negozji żgħar u l-ħaddiema self-employed.
Il-proposti, li ġew imħabbra lbieraħ, huma frott il-Barometru ta’ kull kwart tal-Kamra, li jiġbor feedback mingħand aktar minn 400 negozju, kif ukoll minn laqgħat diretti u focus groups mal-membri.
Appoġġ għal negozji żgħar u self-employed
Il-Kamra qed tisħaq li l-iskema MicroInvest għandha tiġi aġġornata biex toffri sostenn iktar b’saħħtu lil min hu self-employed u lill-SMEs, li huma l-ikbar mutur tal-ekonomija Maltija.
Fuq il-governanza, l-organizzazzjoni qed tappella għall-ħolqien ta’ watchdog apposta għall-proċessi ta’ akkwist pubbliku, sabiex ikun hemm aċċess ġust u ugwali għall-kuntratti tal-gvern. Qed titlob ukoll li l-proċeduri tat-tenders isiru aktar sempliċi u li jkun hemm aktar infurzar kontra kompetizzjoni inġusta minn prodotti mhux dikjarati.
Enerġija u sostenibbiltà
Fil-qasam tal-enerġija, il-Kamra qed tipproponi li jkun hemm aċċess ugwali għall-ħlasijiet tal-konnessjoni man-netwerk, kif ukoll skemi ġodda għal ħażna ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli fuq skala kbira.
Fl-istess waqt qed tappella għall-ħolqien ta’ Taskforce fuq il-Futur tax-Xogħol, li jgħin lill-SMEs jadattaw għall-isfidi tat-trasformazzjoni teknoloġika u ambjentali. Proposti oħra jinkludu tnaqqis fil-burokrazija, inċentivi biex kumpaniji jagħmlu reviżjonijiet ESG, u aċċess aħjar għal fondi Ewropej u għas-sostenibbiltà.
Trasport u mobilità
It-trasport hu wkoll prijorità fil-proposti. Il-Kamra qed titlob skemi ta’ grants u vawċers biex jinħeġġu metodi ta’ commuting aktar nodfa bħaċ-ċikliżmu, il-mixi u l-car pooling kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi. Barra minn hekk, qed tressaq il-ħtieġa li jitkabbru r-rotot tat-trasport f’Għawdex u li jiġu żviluppati hubs ġodda għad-delivery.
Skont il-Kamra, dawn il-proposti jmorru id f’id mal-viżjoni ta’ Malta 2050 għal ekonomija sigura, reżiljenti u b’ħarsa lejn il-futur. Il-proposti issa se jiġu diskussi fid-dettall f’laqgħat mal-Prim Ministru, mal-Oppożizzjoni, u mal-partijiet interessati kollha.