Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (temmet il-kuntratt tagħha mal-kumpanija Superlit għall-provvista ta’ pajpijiet tal-GRP għall-proġett tal-mina Pembroke – Ta’ Qali, wara li testijiet tekniċi wrew li l-materjal ma laħaqx l-istandards ta’ kwalità meħtieġa.
Il-WSC qalet li bħala parti minn proċeduri stretti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, sezzjonijiet mill-pajpijiet ġew mibgħuta barra minn Malta għal testijiet indipendenti. Dan wara li testijiet idrostatiċi fuq il-post – li saru fil-preżenza tal-kuntrattur u tal-korp internazzjonali ta’ ċertifikazzjoni Kiwa (NL B.V.) – ikkonfermaw fallimenti sinifikanti taħt pressjonijiet ferm inqas minn dawk mitluba.
Il-korporazzjoni talbet tibdil tal-pajpijiet kif previst fil-kuntratt iffirmat, iżda l-fornitur ċaħad din it-talba. Proposti alternattivi li kienu jinvolvu tiswijiet parzjali jew soluzzjonijiet temporanji ġew ukoll irrifjutati mill-KSI, li sostniet li tibqa’ impenjata li twassal infrastruttura ta’ l-ogħla kwalità u tiżgura valur għall-flus pubbliċi.
B’riżultat ta’ dan, il-Korporazzjoni se toħroġ sejħa ġdida għall-offerti sabiex il-proġett jitkompla b’materjali li jissodisfaw bis-sħiħ l-ispeċifikazzjonijiet mitluba. Fl-istess waqt, il-KSI talbet formalment lill-fornitur iħallas l-ispejjeż tat-tibdil u qed tħejji l-passi legali kollha meħtieġa biex tipproteġi l-interessi tagħha.
Il-proġett tal-mina Pembroke – Ta’ Qali huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u għandu l-għan li jsaħħaħ l-infrastruttura tal-provvista tal-ilma, itejjeb il-kwalità madwar il-pajjiż u jnaqqas l-ispejjeż operattivi.
Il-KSI attivat ukoll il-pjan ta’ kontinġenza tagħha biex tiżgura li l-proġett jitlesta b’suċċess u mingħajr kompromessi fuq l-objettivi stipulati, filwaqt li l-konsumaturi ma jħossux effetti negattivi fuq is-servizz.
Il-korporazzjoni qalet li aktar tagħrif pubbliku jingħata hekk kif il-proċess ta’ sejħa għall-offerti jitnieda mill-ġdid.