Il-Gvern nieda proposta importanti li għandha l-għan li tagħti sostenn emozzjonali u finanzjarju lill-koppji li jgħaddu minn korriment fit-tqala. Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Dr Andy Ellul, ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Miscarriage Leave se jkun jikkonsisti f’sebat ijiem konsekuttivi ta’ leave mħallas mill-Gvern.
Il-leave hu mistenni li japplika għal kull min jitlef it-tqala qabel il-22 ġimgħa, u mhux biss għall-mara iżda wkoll għall-partner tagħha – inkluż f’relazzjonijiet tal-istess sess. Dan ifisser li għall-ewwel darba, il-Gvern qed jagħti rikonoxximent legali u prattiku lit-telf emozzjonali li jsofru t-tnejn li huma fi ħdan il-koppja.
Skont Dr Ellul, il-paga se tkun ibbażata fuq il-“median wage” – li hija ogħla mill-paga minima – sabiex il-koppji ma jġarrbux żvantaġġ finanzjarju waqt mumenti tant diffiċli. Huwa spjega wkoll li dan il-leave se japplika b’mod wiesa’ għall-impjegati fis-settur pubbliku, privat, għal self-employed u ħaddiema part-time (fuq bażi pro-rata).
L-applikazzjoni se tkun sempliċi: ċertifikat mediku mingħand ġinekologu mingħajr il-bżonn li jiġu inklużi dettalji personali jew mediċi. Dan l-istess ċertifikat jista’ jintuża wkoll mill-partner.
Sabiex tiġi garantita l-privatezza u d-dinjità ta’ dawk li jagħmlu użu mill-leave, se jkunu ppubblikati linji gwida għal min iħaddem. Fosthom, garanzija li l-ħaddiema jkunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol tagħhom mingħajr ebda preġudizzju jew telf ta’ kundizzjonijiet.
Il-miżura ma tieqafx mal-leave. Il-Gvern qed joffri wkoll servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku lill-koppji, li spiss ibatu mhux biss fiżikament iżda wkoll emozzjonalment wara tali esperjenza. Dan l-appoġġ hu maħsub biex itaffi mill-kriżi emozzjonali li ħafna drabi tiġi f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Reġistru nazzjonali anonimu se jkun imwaqqaf biex issegwi l-użu ta’ dan il-leave – mhux biex jiġu identifikati individwi, iżda biex jinġabru statistiċi li jippermettu lill-Gvern jevalwa u jtejjeb il-miżura fil-futur.
Dr Ellul sostna li din il-proposta ġiet iffurmata wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa li inkludiet professjonisti mediċi, familji u dawk li esperjenzaw korriment fit-tqala. “Din hija miżura li sservi ta’ appoġġ reali lil dawk li jgħaddu minn wieħed mill-aktar mumenti delikati f’ħajjithom,” qal.
Hu żied jgħid li l-proposta tirrifletti l-valuri soċjali tal-Gvern u turija ta’ kif it-tkabbir ekonomiku jista’ jservi wkoll biex tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali. “Irridu li l-liġijiet tagħna jirriflettu l-ħajja reali u l-bżonnijiet emozzjonali tan-nies,” temm jgħid Dr Ellul.