KM Malta Airlines tniedi uffiċjalment il-verżjoni bil-Malti tal-websajt tagħha

Il-linja nazzjonali tal-ajru KM Malta Airlines nediet il-verżjoni bil-Malti tal-websajt tagħha, pass li jsaħħaħ l-aċċessibilità għall-klijenti Maltin 

KM Malta Airlines, il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Gżejjer Maltin, ħabbret it-tnedija uffiċjali tal-verżjoni bil-Malti tal-websajt uffiċjali tagħha – kmmaltairlines.com. Dan il-pass jikkonferma l-impenn tal-linja tal-ajru li tonora l-identità nazzjonali u l-wirt kulturali Malti, filwaqt li ssaħħaħ l-esperjenza tal-ivvjaġġar għal dawk li jitkellmu bil-Malti.

Permezz ta’ din il-verżjoni l-ġdida, il-viżitaturi jistgħu jibbrawżjaw l-iskedi tat-titjir, it-tariffi, tagħrif relatat mal-ivvjaġġar, kif ukoll jagħmlu bookings kompletament bil-Malti, sabiex l-informazzjoni tkun aktar aċċessibbli.

F’kummenti dwar din l-inizjattiva, David G. Curmi, Chairman Eżekuttiv ta’ KM Malta Airlines, qal:
"Li noffru l-kontenut tagħna bil-Malti huwa pass importanti fil-vjaġġ tagħna biex inqarrbu aktar lejn il-komunità tagħna. Dan ifakkar kemm aħna ddedikati biex KM Malta Airlines tkun verament Maltija f’kull aspett."

KM Malta Airlines qed taħdem ukoll biex fil-futur qarib tinkludi aktar għażliet ta’ lingwi oħra fuq il-websajt, sabiex taqdi b’mod aħjar il-varjetà ta’ passiġġieri li jagħżlu jivvjaġġaw lejn u minn Malta.

 

More in Socjali