Spazju ta’ Tama fil-Qawra – It-Tfassil ta’ Ambjent li Jisma’, Jifhem, u Jinkludi

Il-Learning Centre ta’ RMHC f’Malta huwa spazju uniku u inklussiv li joffri appoġġ terapewtiku

Il-Learning Centre ta’ Ronald McDonald House Charities (RMHC) Malta mhux post bħal oħrajn. Huwa faċilità unika li toffri ambjent sigur, terapewtiku, u inklussiv, għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu u l-familji tagħhom ukoll.

Il-Learning Centre, li fetaħ fl-2019, ġie ċertifikat bħala Autism Friendly Space – wieħed mill-ftit f’Malta b’dan l-istatus. Ma jixbahx klassi jew klinika, imma huwa ambjent fejn it-tfal jiġu milqugħa kif inhuma, b’rispett lejn id-dinjità u l-potenzjal tagħhom. Il-filosofija ta’ RMHC hi ċara: li toħloq spazju fejn kull tifel u tifla jħossuhom siguri, mismugħa u inklużi.

Skont Julia Zammit Galea Testaferrata, Direttur Eżekuttiv tal-Learning Centre, kull dettall tal-ambjent, mill-kulur tal-ħitan, għall-għażla ta’ materjali artab u naturali, ġie maħsub biex jgħin fil-kalma, fil-fokus u fil-bini tal-indipendenza.

Il-faċilità tinkludi Motor Sensory Room, Learning Kitchen, kmamar għat-terapija, ‘training rooms’ u spazji għall-logħob jew mistrieħ. Il-persunal huwa mħarreġ biex jindirizza mhux biss il-kundizzjonijiet tat-tfal, imma wkoll il-bżonn emozzjonali li jinstemgħu u jiġu aċċettati.

Is-servizzi u programmi offruti jinkludu terapija okkupazzjonali, logħob terapewtiku, taħriġ għall-ġenituri, u sessjonijiet ta’ appoġġ emozzjonali. Il-Learning Centre jservi wkoll bħala ċentru komunitarju, fejn NGOs, skejjel u terapisti jistgħu jikkollaboraw biex joffru għażliet aktar wiesgħa ta’ għajnuna.

Sal-lum, 4,343 tfal u żgħażagħ, u 2,544 familji gawdew mis-servizzi offruti, xhieda ċara tal-ħtieġa kbira u tal-impatt pożittiv li qed isir fil-komunità.

RMHC taħdem id f’id ma’ entitajiet bħall-Awtorità Maltija għas-Servizzi Soċjali, kif ukoll ma’ professjonisti fil-qasam tat-terapija u l-edukazzjoni. Il-voluntiera, ħafna minnhom ġenituri jew edukaturi, għandhom ukoll rwol essenzjali. Barra minn hekk, il-Learning Centre joffri taħriġ kontinwu għal min jixtieq jitgħallem aktar dwar l-awtiżmu u l-inklużjoni fil-prattika professjonali tagħhom.

Julia tgħid li ħafna ġenituri jaslu b’tensjoni u bi tħassib, iżda l-mument li jaraw lil uliedhom rilassati u ferħanin, iġib mumenti ta’ emozzjoni kbira. “Ħafna jibdew jibku, mhux għax hemm xi ħaġa ħażina, imma għax għal darba sabu post li jifhimhom,” tispjega. Il-Learning Centre jilqa’ lil kull min jidħol – mit-tfal b’diffikultajiet fit-taħdit, sa ġenituri mħassba u edukaturi li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar kif jistgħu joffru inklużjoni reali f’ambjent skolastiku.

Bħalissa, RMHC qed tippjana espansjoni fil-programmi u servizzi, kemm fiżikament kif ukoll f’termini ta’ edukazzjoni u taħriġ. Qed jiġu żviluppati workshops u programmi ġodda għal komunitajiet rurali u żoni bi ftit aċċess għal għajnuna speċjalizzata, bil-għan li l-mudell ta’ inklużjoni jinfirex madwar il-gżejjer kollha.

F’soċjetà li għadha tħabbat wiċċha ma’ sfidi ta’ esklużjoni, spazju bħal dan ifakkarna li l-bidla veru tibda billi noħolqu ambjenti li mhux biss jilqgħu, imma jagħtu valur u rispett lil kull bniedem.

Il-Learning Centre ta’ RMHC mhuwiex biss post fejn jingħata servizz, hu simbolu ta’ tama, empatija, u impenn lejn soċjetà aktar ġusta u inklussiva.

Din il-verżjoni tal-artiklu kienet stampata f’pubblikazzjoni oħra u fiha xi informazzjoni li ġiet miżjuda u ttranġata.

 

 

More in Socjali