’Il fuq minn 1,000 persuna mħarrkin għal sewqan mingħajr liċenzja valida fl-2024

Fl-2024 inqabdu 1,104 persuni u bejn Jannar u t-28 ta’ Mejju 2025 inqabdu 531 isuqu mingħajr liċenzja

Kien hemm 1,104 persuni li tressqu l-Qorti fis-sena 2024 għax kienu qed isuqu mingħajr liċenzja valida. 

Dan jiġifieri li jew kienu qed isuqu mingħajr liċenzja għalkollox jew inkella kienu qed isuqu b’liċenzja skaduta. 

Din iċ-ċifra tkopri, kemm nies li nqabdu f’Malta, kemm dawk li nqabdu Għawdex, skont kliem il-Ministru Byron Camilleri, li qal li ċ-ċifra tirrappreżenta “n-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti f’dawn il-gżejjer”. 

Camilleri kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo. 

Il-Ministru ta wkoll iċ-ċifra ta’ persuni li tressqu l-Qorti għall-istess reat fl-2025 — preċiżament bejn Jannar u t-28 ta’ Mejju 2025. 

Skont il-figura li ta Camilleri, in-numru ta’ nies li nqabdu jsuqu mingħajr liċenzja valida fl-ewwel sitt xhur tal-2025 huwa ta’ 531. 

Allura, bejn wieħed u ieħor, ir-rata ta’ nies li jinqabdu jsuqu mingħajr liċenżja hija l-istess bejn dawn is-sentejn. 

Iżda meta dil-gazzetta ppruvat tistħarreġ iktar dwar is-suġġett, jidher li għalissa m’hemmx informazzjoni disponibbli dwar kemm-il persuna tressqet il-Qorti fuq l-istess reat qabel l-2024. 

Barra li Bartolo staqsa lill-Ministru dwar kemm tressqu l-Qorti nies għar-reat ta’ sewqan mingħajr liċenzja valida, talbu wkoll biex jagħti kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin. 

Iżda Camilleri ma sseparax il-figuri skont kif talab il-Kelliem tal-Oppożizzjoni u kemm ta l-figuri kif inhuma kkwotati iktar ’il fuq.

More in Socjali