Ġew addottati ftit iktar minn 500 kelb u qattus mill-Animal Welfare fl-2024, skont informazzjoni mogħtija fil-Parlament.
B’kollox kien hemm 515-il kelb u qattus li ġew addottati minn dil-aġenzija governattiva. Skont iċ-ċifri mogħtija, kienu addottati 337 kelb u 178 qattus.
Dil-informazzjoni ġiet meħuda minn mistoqsija parlamentari li għamel il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo lill-Ministru Anton Refalo.
Sfortunatament, meta dil-gazzetta marret tistħarreġ għall-istess informazzjoni fis-snin preċedenti, jiġifieri kemm kien hemm addozzjonijiet fis-snin ta’ qabel l-2024 mill-Animal Welfare, ma sibna l-ebda informazzjoni.
Fl-aħħar nikkonkludu billi nirrimarkaw li ta’ min wieħed jinnota li n-numru ta’ klieb li ġew addottati huwa kważi d-doppju ta’ kemm ġew addottati qtates.
Dan jista’ jkun għaliex f’Malta hawn kultura kbira ta’ qtates li jgħixu fit-triq flimkien ma’ ħafna volontiera li jieħdu ħsiebhom u jitimgħuhom.
Fil-fatt, statistika maħruġa minn GoVoyager sabet li Malta huwa l-pajjiż bl-akbar densità ta’ qtates fl-Unjoni Ewropea, bi 316-il qattus f’kull kilometru kwadru. Iżda fl-istess ħin 25.4% tad-djar biss għandhom mill-inqas qattus wieħed.