Moviment Graffitti favur l-ewtanasja volontarja, iżda b'qafas regolatorju b'saħħtu

L-għaqda tgħid li d-deċiżjoni li wieħed itemm ħajtu f'każijiet ta’ tbatija kbira u mard terminali għandha tkun rispettata, iżda ttenni l-importanza ta’ safeguards kontra l-abbuż u pressjonijiet indiretti

Ritratt: arkivji
Ritratt: arkivji

Moviment Graffitti esprimiet l-appoġġ tagħha għall-introduzzjoni tal-ewtanasja volontarja, filwaqt li qalet li kull individwu għandu jkollu d-dritt jagħżel jekk itemmx ħajtu quddiem mard li ma jfiqx u tbatija kbira.

Fi stqarrija pubblika, l-NGO saħqet li, għalkemm temmen fil-libertà personali, tifhem ukoll li l-kwistjoni hi waħda kumplessa u trid tkun immaniġġjata b’attenzjoni. Il-gvern nieda dokument ta’ konsultazzjoni dwar qafas għall-ewtanasja volontarja aktar kmieni dan ix-xahar, li jispeċifika ċar li l-għażla se tkun limitata għal pazjenti b’mard terminali, li jkunu ta’ 18-il sena ’l fuq, residenti f’Malta għal mill-inqas sena, u li jkunu għamlu t-talba huma stess.

Il-proposta tipprojbixxi wkoll lill-professjonisti mediċi milli jissuġġerixxu din l-għażla lill-pazjenti. Barra minn hekk, dawk li jbatu minn kundizzjonijiet mentali, diżabilità, jew mard relatat mal-età bħad-dimensja, ma jkunux eliġibbli.

Moviment Graffitti qalet li hija konxja tar-riskji potenzjali, bħall-pressjoni indiretta fuq nies vulnerabbli jew il-periklu li xi wħud jagħżlu l-ewtanasja minħabba nuqqas ta’ kura xierqa. Għaldaqstant, l-għaqda qed tinsisti fuq l-importanza li l-leġiżlazzjoni tkun akkumpanjata minn sistema regolatorja soda u istituzzjonijiet effettivi.

“Jeħtieġ ukoll li jkun hemm aċċess wiesa’ u adegwat għal kura paljattiva u servizzi ta’ sostenn komunitarju,” żiedet tgħid l-NGO, “biex nassiguraw li d-deċiżjoni tibqa’ waħda tassew volontarja, u mhux riżultat ta’ nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa jew soċjali.”

Moviment Graffitti temmet billi qalet li l-istat għandu jirrispetta d-diversità ta’ opinjonijiet dwar il-ħajja u l-mewt, u ma jistax jimponi twemmin wieħed fuq id-deċiżjonijiet personali ta’ oħrajn, speċjalment meta dawn ikunu qed jiffaċċjaw realtajiet diffiċli u bla tama.

More in Socjali