Kważi 8,000 żagħżugħ jistudjaw u jaħdmu fl-istess ħin fis-sena akkademika 2024-2025

F’Malta, eluf ta’ żgħażagħ qed jikkumbattu l-isfidi tal-ħajja akkademika u dik tax-xogħol flimkien - Għalkemm ħafna jirnexxielhom ilaħħqu, oħrajn jispiċċaw f’sitwazzjonijiet vulnerabbli 

Miż-żgħażagħ kollha li kellhom impjieg fl-2024, 9.35% huma wkoll studenti
Miż-żgħażagħ kollha li kellhom impjieg fl-2024, 9.35% huma wkoll studenti

Kien hemm 7,869 żagħżugħ fis-sena akkademika bejn l-2024 u l-2025 li kellhom impjieg fl-istess waqt li kienu qegħdin jistudjaw. 

Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Fil-mistoqsija tagħha, Bonello staqsiet biex “il-Ministru jgħid kemm miż-żgħażagħ ... li qed jaħdmu full-time, kif ukoll part-time, huma studenti”. Camilleri wieġeb billi ta ċ-ċifra mitluba li nġabret sa Ottubru tal-2024 — jiġifieri jaf b’kollox kien hemm ftit iktar żgħażagħ jaħdmu waqt li qed jistudjaw. 

Madankollu, minħabba li Bonello ma speċifikatx biex l-informazzjoni tinqasam abbażi ta’ min qed jaħdem full-time u min qed jaħdem part-time, dil-gazzetta ma tistax tagħti iktar informazzjoni dwar kemm hemm żgħażagħ studenti jaħdmu full-time jew part-time. 

X’inhu meqjus bħala “żagħżugħ”? 

Tkun idea tajba jekk jiġi ċċarat x’inhu meqjus bħala żagħżugħ fl-ambitu ta’ dil-mistoqsija. 

Fil-mistoqsija, Bonello speċifikat biex l-informazzjoni tirreferi għal “żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-30 sena”. Allura jidher li żagħżugħ huwa meqjus bħala xi ħadd li għandu mill-inqas 16-il sena u għadu ma qabiżx it-30 sena. 

’Il fuq minn 80,000 żagħżugħ b’impjieg fl-2024 

Fil-mistoqsija tagħha, Bonello aċċennat għal mistoqsija parlamentari oħra fejn hi stess staqsiet lill-Ministru biex jagħti rendikont tan-numru ta’ żgħażagħ li għandhom impjieg, kemm full-time, kemm part-time, fl-aħħar għaxar snin. 

Filwaqt li l-Ministru ta rendikont tan-numru ta’ żgħażagħ b’impjieg ta’ bażi full-time u part-time, mhuwiex l-iskop ta’ dal-artiklu biex inħarsu lejn iċ-ċifri tul is-snin. Minflok ħa nħarsu biss lejn is-sena 2024, li hija l-iktar relevanti għal dak li qed niktbu. 

Fl-2024 kien hemm b’kollox 84,185 żagħżugħ li għandhom impjieg, fejn dawn jinqasmu bejn 73,484 żagħżugħ b’impjieg full-time u 10,701 żagħżugħ b’impjieg part-time. 

Dan ifisser li 9.35% taż-żgħażagħ li għandhom impjieg huma wkoll studenti fl-istess ħin. 

More in Socjali