Trump jerġa’ jheded b’dazji għoljin: Il-Ue tgħid li trid rispett mhux theddid

Il-UE tirrifjuta t-theddid ta’ tariffi miżjuda minn Trump u tinsisti fuq ftehim ġust u bilaterali bejn iż-żewġ ġganti kummerċjali

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Maroš Šefčovič, insista li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ impenjata li tilħaq ftehim kummerċjali ġust mal-Istati Uniti, f’reazzjoni għat-theddid mill-President Amerikan Donald Trump li jdaħħal dazzi ta’ 50% fuq prodotti mill-Ewropa.

“Il-kummerċ bejn il-UE u l-Istati Uniti hu bla paragun, u għandu jkun ibbażat fuq ir-rispett reċiproku, mhux fuq theddid,” qal Šefčovič wara sejħa ma’ rappreżentanti Amerikani.

Id-dikjarazzjoni tiegħu waslet wara li Trump, fuq il-midja soċjali u f’konferenza tal-aħbarijiet, wissa li se jimponi dazzi għoljin mill-1 ta’ Ġunju jekk in-negozjati ma javvanzawx.

Il-mexxej Amerikan qal: “M’iniex infittex ftehim – għamilna l-ftehim diġà,” iżda fetaħ il-bieb għal dewmien jekk kumpanija Ewropea tagħmel investiment kbir fl-Istati Uniti.

Il-UE, li hija fost l-akbar sħab kummerċjali tal-Istati Uniti, diġà bagħtet aktar minn $600 biljun f’oġġetti lejn l-Amerika fl-aħħar sena, skont statistika Amerikana, waqt li xtrat madwar $370 biljun f’prodotti Amerikani.

Mexxejja Ewropej iddikjaraw li dazzi ġodda jkunu ta’ ħsara kbira għaż-żewġ naħat. Il-Prim Ministru Irlandiż Micheál Martin qal: “Ma għandniex għalfejn nieħdu din it-triq. In-negozjati huma l-unika triq sostenibbli.”

Franza u l-Ġermanja għamlu sejħa għal kalma iżda enfasizzaw li huma lesti jirrispondu jekk ikun hemm bżonn. Il-Ministru Ġermaniż għall-Ekonomija, Katherina Reiche, qalet li l-UE trid tagħmel kollox biex tilħaq soluzzjoni.

Bejn l-istennija u t-theddid, l-UE ħalliet fuq il-mejda l-possibbiltà ta’ dazzi ta’ 25% fuq €18 biljun fi prodotti Amerikani, iżda dawn għadhom imwaqqfa b’mod temporanju.

Trump, li f’April nieda pakkett ta’ “tariffi reċiproċi”, qed iħares ukoll lejn teknoloġija bħal smartphones, u wissa li iPhones mhux manifatturati fl-Amerika jistgħu jiġu ttratati b’dazji sa 25%.

More in Socjali