Il-vjolenza kontra l-uffiċjali tonqos... iżda fl-istess ħin jiżdied it-tgħajjir u t-theddid kontrihom

Jonqsu wkoll il-vilifikazzjoni kif ukoll ir-reżistenza kontra l-arrest • Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri jisħaq li t-tnaqqis wasal bis-saħħa ta' emendi legali li "ħarrxu l-pieni fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi" 

L-informazzjoni li ta l-Ministru turi li l-vjolenza qed tonqos iżda t-tgħajjir u t-theddid qed jiżdied sew
L-informazzjoni li ta l-Ministru turi li l-vjolenza qed tonqos iżda t-tgħajjir u t-theddid qed jiżdied sew

Minkejja perċezzjonijiet ta’ soċjetà li kulma jmur qed issir iktar vjolenti, jidher illi l-inċidenti ta’ vjolenza fiżika fuq l-uffiċjali tal-pulizija qed tonqos. 

“Dawn il-figuri jikkonfermaw ukoll l-impatt pożittiv tal-introduzzjoni tal-bodycams,” qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fi tweġiba li ta għal mistoqsija parlamentari. 

Il-mistoqsija ġiet magħmula mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ fejn staqsiet lill-Ministru biex jagħti n-numru ta’ inċidenti ta’ aggressjoni fuq il-pulizija mill-2014 sal-ġurnata li tiġi mwieġba l-mistoqsija. 

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru ta biss figuri li jkopru sal-2017, jiġifieri ma weġibx il-mistoqsija interament.  

Minkejja dan, l-informazzjoni li pprovda xorta turi xejra pożittiva fejn jidħol in-numru ta’ drabi li ġew aggrediti l-pulizija — kemm fiżikament, kemm verbalment, u kemm f’modijiet oħrajn. 

Il-vilifikazzjoni u l-vjolenza jonqsu 

Xejra pożittiva li ħarġet mill-informazzjoni hija li n-numru ta’ drabi fejn persuni ħebbew għall-uffiċjali tal-pulizija naqas ġmielu: minn 110 darbiet fl-2017 għal 28 darba fl-2024. 

Barra minn hekk, in-numru ta’ drabi fejn uffiċjali tal-pulizija esperjenzaw vilifikazzjoni — meta xi ħadd jipprova jċappas ir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor permezz tat-tkażbir — naqas sew ukoll. 

Fil-fatt, in-numru ta’ istanzi ta’ vilifikazzjoni naqas għal disa’ darbiet fl-2024 minn 30 darba fl-2017. 

Ta’ min jgħid li din ix-xejra ma seħħitx mil-lum għal għada imma bdiet tonqos bil-mod il-mod tul is-snin. 

Fit-8 t'April, Jerry Ghigo, raġel ta' 47 sena, kien akkużat li ħebb għal surġent u kuntistabbli
Fit-8 t'April, Jerry Ghigo, raġel ta' 47 sena, kien akkużat li ħebb għal surġent u kuntistabbli

Fejn tidħol il-vilifikazzjoni, it-tnaqqis kien iktar bil-mod, fejn naqas b’għaxar każijiet mill-2017 għall-2018 għal total ta’ 20 każ. 

Kiber ftit fl-2019 għal 22 każ biex imbagħad reġa’ naqas ftit fl-2020 għal 18-il każ. Żdied b’każ wieħed fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, u reġa’ naqas għal 16-il każ fl-2022. 

Fejn tidħol l-aggressjoni fiżika, it-tnaqqis kien iktar mgħaġġel għax minn 110 każijiet fl-2017 naqsu għal 94 każ fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2018. 

Fit-tliet snin ta’ wara dawn komplew jonqsu fejn kien hemm 66 każ fl-2019, 48 każ fl-2020, u 31 każ fl-2021. 

In-numru ta’ każijiet imbagħad kiber bi ftit fis-sentejn ta’ wara, fejn kemm fl-2022, kif ukoll fl-2023 in-numru ta’ każijiet telgħu għal 36. 

Iżda mbagħad reġgħu naqsu għal 28 fl-2024. 

Reżistenza kontra l-arrest tonqos bi ftit 

Għalkemm skont l-informazzjoni mogħtija mill-Ministru, ir-rata ta’ reżistenza kontra l-arrest hija bejn wieħed u ieħor l-istess f’termini ta’ statistika, realment in-numru ta’ drabi li l-pulizija esperjenzaw dir-reżistenza naqas. 

Dan għaliex, skont iċ-ċifri mogħtija, kien hemm tnaqqis mhux ħażin mis-sena 2017 fejn ġew irrekordjati 30 darba ta’ reżistenza. 

It-tnaqqis kien minimu fis-sentejn li ġew wara, fejn ġew irrekordjati 29 darba fl-2018 u 27 darba fl-2019. 

Ovvjament, din iċ-ċifra naqset sew fl-2020, li kienet is-sena tal-COVID, fejn ġew irrekordjati biss 17-il inċident ta’ reżistenza kontra l-arrest. Dan in-numru kiber f’salt fl-2021 tant li l-pulizija esperjenzaw 28 każ ta’ reżistenza. 

Fis-sena ta’ wara mbagħad il-każijiet ta’ reżistenza tnaqqsu sew, fejn kien hemm biss 14-il każ fl-2022. Dawn imbagħad żdiedu għal 20 fl-2023 u 19 fl-2024. 

It-tgħajjir u t-theddid jiżdied 

Iżda fejn jidħlu tgħajjir u theddid esperjenzati mill-pulizija, dawn ħadu xejra bil-kontra: żdiedu b’mod sinifikanti flok tnaqqsu. 

Fil-fatt, minn każ wieħed biss fl-2017, dawn telgħu għal 58 każ fl-2024. Dawn telgħu għal tliet każijiet fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2018. 

Iżda jidher li kien hemm qabża kbira li saret fis-sena tal-COVID, jiġifieri fl-2020, fejn minn erba’ każijiet fl-2019 ġew irrekordjati 34 każ. 

Minn dik is-sena ’l hawn, in-numru ta’ każijiet ta’ tgħajjir u theddid kontra uffiċjali tal-pulizija kompla jikber, fejn anka fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, kien hemm 43 każ. 

Fl-2022, in-numru kiber għal 45, waqt li mbagħad naqas bi ftit fl-2023 għal 41 każ. Iżda mbagħad, fl-2024, dan reġa’ kiber ġmielu għal 58 każ. 

X’seta’ wassal għal dawn ir-riżultati? 

Il-Ministru Byron Camilleri (Ritratt: The Malta Police Force/Facebook)
Il-Ministru Byron Camilleri (Ritratt: The Malta Police Force/Facebook)

Skont Camilleri, il-figuri huma xhieda tal-impatt pożittiv ta’ emendi legali bħalm’huma l-bodycams, kif ukoll “emendi legali li ġew approvati minn dan il-Parlament li ħarrxu l-pieni fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi.” 

Jidher illi l-introduzzjoni tal-bodycams u ta’ pieni eħrex ħadmet sew bħal kif juru n-numri li rajna iktar ’il fuq. 

Iżda l-fatt li fl-istess ħin żdied in-numru ta’ drabi fejn uffiċjali tal-pulizija ġew mgħajra jew mhedda juri li jaf hemm vojt fejn tidħol il-leġiżlazzjoni u l-pieni li jingħataw meta jkun hemm vjolenza verbali kontra l-uffiċjali tal-pulizija. 

More in Socjali