703 ċitazzjonijiet fl-ewwel tliet xhur tal-2024... imma f’għaxar toroq biss

’Il fuq minn 160 ċitazzjoni f’żewġ toroq biss fil-Belt Valletta

Żewġ toroq fil-Belt Valletta biss jammontaw għal 23.3% tas-703 ċitazzjonijiet ikkwotati mill-Ministru
Żewġ toroq fil-Belt Valletta biss jammontaw għal 23.3% tas-703 ċitazzjonijiet ikkwotati mill-Ministru

Jidher illi fl-ewwel tliet xhur tal-2024 inħarġu 703 ċitazzjonijiet f’għaxar toroq biss.  

L-istramberija hi li dawn seħħew f’għaxar toroq biss f’Malta. Dil-informazzjoni ttieħdet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett.  

Fil-mistoqsija tiegħu, Caruana Cilia staqsa biex il-Ministru jidentifika l-għaxar toroq f’Malta fejn kienu l-iktar numru ta’ ċitazzjonijiet mogħtija. Barra minn hekk, talab biex jagħti n-numru ta’ ċitazzjonijiet għal kull triq.

Mit-tweġiba tal-Ministru ħareġ illi Triq Girolamo Cassar fil-Belt Valletta tieħu l-ewwel post għall-iktar triq fejn ingħataw ċitazzjonijiet, b’total ta’ 102 ċitazzjonijiet. 

Barra minn hekk, triq oħra fil-Belt Valletta wkoll issib ruħha fost l-10 toroq bl-iktar numru ta’ ċitazzjonijiet mogħtija.  

Din hija Triq San Pawl fejn b’kollox ingħataw 62 ċitazzjoni.  

Dan ifisser li minn 703 ċitazzjonijiet, 164 ċitazzjoni ġew mill-Belt Valletta biss. Fi kliem ieħor, iż-żewġ toroq fil-Belt Valletta jirrappreżentaw 23.3% tas-703 ċitazzjonijiet. 

Isem tat-Triq 

Lokalità 

Ċitazzjonijiet 

Triq Girolamo Cassar 

Il-Belt Valletta 

102 

Telgħa ta’ Ras Ħanżir 

Raħal Ġdid 

100 

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 

Ħal Luqa / Il-Gudja 

91 

Triq Giuseppe Garibaldi 

Il-Marsa 

79 

Triq il-Mitjar 

Ħal Luqa 

73 

Triq San Pawl 

Il-Belt Valletta 

62 

Tul il-Kosta 

In-Naxxar 

56 

Ħemsija 

Ir-Rabat 

51 

Triq Elija Zammit 

San Ġiljan 

46 

Triq il-Buqana 

Ir-Rabat 

43 

Il-lokalitajiet l-oħrajn

Barra l-Belt Valletta, kien hemm seba’ lokalitajiet oħrajn imsemmijin fit-tweġiba tal-Ministru, li huma Raħal Ġdid, Ħal Luqa, il-Marsa, in-Naxxar, il-Gudja, ir-Rabat, u San Ġiljan. 

Fit-tweġiba, il-Ministru żvela li t-tieni l-iktar triq fejn ingħataw ċitazzjonijiet kienet it-Telgħa ta’ Ras Ħanżir f’Raħal Ġdid fejn inħarġu total ta’ 100 ċitazzjoni. 

Warajha, b’91 ċitazzjoni, hemm l-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta li jinstab bejn Ħal Luqa u l-Gudja. 

Imbagħad insibu Triq Giuseppe Garibaldi fil-Marsa b’79 ċitazzjoni u triq oħra f’Ħal Luqa, Triq il-Mitjar, fejn ingħataw 73 ċitazzjoni. 

L-aħħar erba’ toroq huma Tul il-Kosta, In-Naxxar, b’56 ċitazzjoni; Ħemsija, Ir-Rabat, b’51 ċitazzjoni; Triq Elija Zammit, San Ġiljan, b’46 ċitazzjoni; u fl-aħħar triq oħra r-Rabat, Triq il-Buqana, bi 43 ċitazzjoni.

Kważi 20,000 ċitazzjoni fl-2024 minn Transport Malta

Informazzjoni meħuda minn mistoqsija parlamentari oħra magħmula lill-istess Ministru mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo turi li fl-2024 Transport Malta ħarġet kważi 20,000 ċitazzjoni. 

Speċifikament, il-Ministru qal li “ngħataw total ta’ 19,175 ċitazzjoni mill-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta.”

’Il fuq minn 240,000 ċitazzjoni u kważi 5,000 avviż fl-2024 mil-LESA

Minn mistoqsija parlamentari oħra magħmula minn Bartolo lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, joħroġ li b’kollox inħarġu ’l fuq minn 240,000 ċitazzjoni u kważi 5,000 avviż (first-time warning) fl-2024. 

Fit-tweġiba tiegħu, Camilleri qal li “t-total ta’ taħrikiet maħruġa kien ta’ 242,481, u 4,930 huma avviż.” 

 

More in Socjali