L-istatwi li jżommu t-tradizzjoni ħajja

Il-Ġimgħa l-Kbira mhijiex biss żmien ta’ riflessjoni spiritwali, imma wkoll ċelebrazzjoni ta’ arti, tradizzjoni u komunità. F’dan l-artiklu niskopru kif żewġ individwi – żagħżugħ entużjast u artist b’passjoni għall-arti  – qed iżommu ħaj dan il-wirt uniku li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra

Xellug:Olaf Magri  Lemin:Wirja ta' Aiden Muscat
Xellug:Olaf Magri Lemin:Wirja ta' Aiden Muscat

Il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta hija waħda mill-aktar żminijiet sagri tas-sena liturġika. Il-gżejjer Maltin jinbidlu f’wirja ta’ fidi, emozzjoni u arti, hekk kif il-komunitajiet lokali jieħdu sehem f’diversi tradizzjonijiet li ġew mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Minn purċissjonijiet solenni għal wirjiet ta’ statwi, dan il-perjodu mhuwiex biss ċelebrazzjoni ta’ riflessjoni, iżda wkoll ċelebrazzjoni ta’ kreattività u arti sagra. 

Il-wirt kulturali tal-Ġimgħa l-Kbira 

Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li jittellgħu fil-parroċċi differenti ta’ Malta u Għawdex huma xhieda ħajja ta’ dan il-wirt. Dawn il-purċissjonijiet, li jinkludu statwi li jirrappreżentaw episodji mill-passjoni ta’ Kristu, jidhru f’toroq imżejna bi dwal baxxi u atmosfera ta’ silenzju. Barra minn hekk, il-wirjiet ta’ statwi li jsiru f’diversi lokalitajiet huma wkoll parti importanti minn din il-festa, fejn l-artisti u l-kollezzjonisti jippreżentaw xogħolhom b’dedikazzjoni kbira. 

L-impenn taż-żgħażagħ f’din it-tradizzjoni 

Biex nifhmu aktar din it-tradizzjoni, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ individwi li huma involuti b’mod attiv f’din it-tradizzjoni artistika. Wieħed minnhom hu Aiden Muscat, żagħżugħ ta’ 16-il sena li jorganizza wirjiet ta’ statwi relatati mal-Ġimgħa l-Kbira.  

Għalih, il-preparazzjoni ta’ dawn il-wirjiet tibda minn Awwissu, meta jibda jikkonċepixxi l-idea u jippjana l-arranġamenti. “Meta nara n-nies japprezzaw il-wirja tiegħi, inħoss sodisfazzjon kbir,” qalilna Aiden. “Għax mhux biss qed nuri statwi, imma qed inwassal parti minn dak li nkun ilni naħseb u naħdem fuqu għal xhur twal.” 

L-ewwel wirja ta' Aiden Muscat
L-ewwel wirja ta' Aiden Muscat

Għalih, il-wirjiet mhumiex biss passjoni personali, imma mod kif jgħaqqad ma’ oħrajn li jaqsmu l-istess imħabba għall-arti sagra. Jirċievi wkoll ħafna appoġġ mill-ħbieb tiegħu, speċjalment dawk li għandhom l-istess interess. Għaż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew f’dan il-qasam, Aiden jissuġġerixxi li jkellmu lil dawk li għandhom esperjenza, biex jitgħallmu aktar u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Huwa jemmen li, minkejja li xi drabi jidher li ż-żgħażagħ tilfu l-interess f’dawn it-tradizzjonijiet, xorta waħda hemm interess fost iż-żgħażagħ, kemm fil-Ġimgħa l-Kbira, kif ukoll f’festi oħra matul is-sena. 

Huwa qalilna li sa minn età żgħira kien dejjem juri interess kbir f’dawn l-affarijiet, “Jiena ilni ninteressa ruħi minn meta kont żgħir, kont nimxi ġo Ħal Lija u dejjem inwaqqaf in-nanna biex turini xi niċċa u nara l-istatwi, iktar ma bdejt nikber iktar bdejt ninteressa ruħi.” Hu jispjega kif għal bidu kien jagħmel wirjiet żgħar għalih innifsu, id-dar imma mbagħad bl-għajnuna u bl-appoġġ ta’ dawk ta’ madwaru beda joħroġ il-wirjiet tiegħu għall-pubbliku. 

Minn ħiliet familjari għal arti unika 

Barra minn hekk, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ukoll ma’ Olaf Magri, artist li jaħdem statwi mill-bidu nett – minn tafal għal ġibs u żebgħa. L-interess tiegħu beda minn età żgħira, meta kien josserva lil missieru jaħdem fuq l-istatwi fil-garaxx. “Kont inħobb nesperimenta u, għalkemm il-bidu kien ikkaratterizzat minn ħafna tentattivi li ma tantx kienu preżentabbli, kienu propju dawk li wettqu t-triq għal din il-passjoni,” irrakkonta Olaf.  

Hu spjega wkoll kif ħabba l-istudji tiegħu ma tantx kien isib ħin biex jinżel il-garaxx, imma xorta waħda jgħid li l-interess baqa’ dejjem hemm u wara li kien qatta’ xi żmien il-Ġermanja, irritorna Malta u kompla fej ħalla, “biex dak li beda prinċipalment in-nannu, u li għadda għand zijuwi u missieri, issa nkomplih jien fejn ta’ erbgħa u tletin sena, flimkien ma’ missieri, għamilt l-ewwel statwa fit-tafal; b’hekk din il-fjamma tibqa’ mkebbsa u kkultivata.” 

Olaf Magri
Olaf Magri

It-tfassil ta’ statwa huwa proċess twil u metikoluż, li jibda mill-immudellar fit-tafal, fejn l-artist irid jagħti attenzjoni kbira lill-proporzjonijiet u l-espressjoni tal-figura. Wara dan, isiru l-forom tal-lasktu biex eventwalment tkun ikkreata l-istatwa finali fil-ġibs jew resin. “L-aktar parti delikata hija meta l-istatwa toħroġ mill-forma, għax dak hu l-mument fejn naraw jekk kollox mar tajjeb jew le,” qal Olaf. Wara dan, l-istatwa tgħaddi mill-proċess taż-żebgħa u l-irtokki finali, qabel ma tasal għand min ordnaha.  

Olaf jemmen li, minkejja li t-teknoloġija moderna introduċiet tekniki ġodda bħall-istampar 3D, xorta waħda hemm ħafna nies li japprezzaw ix-xogħol tradizzjonali bl-idejn. Qalilna li: “Fil-passat, dawn il-ħiliet kienu jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, u llum għad hemm min iżomm dan il-mudell.” Filwaqt li l-irwol tal-arti sagra nbidel, huwa ċert li din il-passjoni mhux se tisparixxi. 

Tradizzjoni li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra 

Hekk kif il-Ġimgħa l-Kbira tibqa’ ċentrali fil-kultura Maltija, nies bħal Aiden u Olaf juru kif din it-tradizzjoni mhux biss għadha ħajja, imma qed tevolvi u tiġbed aktar nies lejha. Kemm jekk permezz tal-wirjiet jew il-ħolqien ta’ statwi ġodda, dawn l-individwi jkomplu jżommu ħaj dan il-wirt uniku. Għalhekk, l-entużjażmu tagħhom hu prova ċara li, minkejja l-bidliet soċjali u teknoloġiċi, il-Ġimgħa l-Kbira f’Malta se tibqa’ waħda mill-aktar espressjonijiet qawwija ta’ fidi u arti li l-gżejjer tagħna għandhom x’joffru. 

 

 

 

 

 

More in Socjali