Tliet uffiċjali tal-LESA mkeċċija wara li dehru f’filmat jiġbdu l-kokaina

Ġie kkonfermat li tliet uffiċjali ġew identifikati u mkeċċija immedjatament wara li dehru f’filmat jiġbdu l-kokaina ġewwa vann uffiċjali

Fi skandlu li qanqal xokk u rabja fost il-pubbliku, tliet uffiċjali tal-LESA ġew imkeċċija wara li dehru f’filmat jiġbdu l- kokaina ġewwa vann uffiċjali tat-tip Isuzu tal-istess korp.

L-inċident seħħ bejn it-Tnejn u t-Tlieta filgħaxija tal-ġimgħa li għaddiet, u l-filmati nxterrdu malajr fuq gruppi ta’ WhatsApp. F’dak il-filmat, it-tliet uffiċjali — membri tar-Reġjun Ċentrali ta’ LESA — jidhru jiġbdu l-kokaina ġewwa vettura tas-servizz u f’ambjent pubbliku.

Sorsi viċin il-korp ikkonfermaw li l-uffiċjali ġew identifikati minn LESA stess hekk kif ġie ppreżentat il-filmat lis-superjuri. Fl-istess ġurnata li ġie vverifikat il-filmat, ittieħdet id-deċiżjoni li jitkeċċew immedjatament.

Il-każ sar pubbliku minn post fuq Facebook mill-avukat Jason Azzopardi, li rrimarka li l-filmati juru lill-uffiċjali ġewwa vann Isuzu tal-LESA waqt li kienu qed jieħdu s-sustanza.

F’diskors qasir iżda mirqum, Azzopardi qal:

 

“Pajjiż infestat bil-kokaina. Uffiċjali li suppost jidħlu għan-nies, qed jisfruttaw il-pożizzjoni tagħhom biex jabbużaw minn droga – u f’vetturi pubbliċi!”

Il-post ta’ Azzopardi kompla jżid pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni, u diversi kummenti fuq il-midja soċjali esprimew rabja u nuqqas ta’ fiduċja lejn is-servizzi ta’ infurzar.

More in Socjali