Il-Moviment Graffitti ħareġ filmat, biex skont hu, jikxef il-ħsarat kbar li qed isiru minħabba d-difetti ll-liġi tal-appelli tal-bini, primarjament il-fatt li proġetti kbar jistgħu jibqgħu għaddejjin minkejja li jkollhom il-permess taħt appell.
Ħabba f’hekk, il-Prim Ministru Robert Abela qala’ ħafna kritika mingħand għaqdiet ċivili ambjentalisti. “Abela ilu mill-2023 iwiegħed li din il-liġi se tiġi riformata, iżda sentejn wara, għadna bla riforma,” qal il-grupp.
Skont il-Moviment Graffitti, il-liġi kif inhi tħalli lill-iżviluppaturi jlestu proġetti kbar u kontroversjali waqt li qed jinstema’ l-appell, bir-riżultat li ħafna drabi l-proġett ikun laħaq tlesta meta l-appell jinqata’ u l-proġett jiġi ddikjarat illegali mill-qrati.
Bħala eżempju tal-ħsara li qed tikkawża l-liġi fil-qagħda preżenti tagħhom, il-Moviment uża l-każ tal-proġett ta’ Joseph Portelli f’Ta’ Sannat, li nqasam f’applikazzjonijiet differenti u kellu diversi elementi illegali, bħal pixxini u penthouses li jmorru kontra l-politiki tal-ippjanar.
Il-Moviment qal ukoll li kemm l-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll it-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) għalqu għajnejhom għad-diversi illegalijiet u ksur ta’ politiki tal-ippjanar ta’ dawn il-proġetti.
Kienet imbagħad il-Qorti tal-Appell li ddikjarat li dawn il-proġetti għandhom elementi illegali u ħassritilhom il-permess—iżda sa dak it-tant, il-proġetti laħqu nbnew.
Imbagħad f’Lulju tal-2024, Portelli u sħabu applikaw biex jiġu ssanzjonati l-istess penthouses li ġew iddikjarati illegali mill-qorti. L-Awtorità tal-Ippjanar marret kontra d-deċiżjoni tal-qorti u approvat is-sanzjoni.
Iżda l-ħsara ta’ dil-liġi ma tapplikax biss għall-proġett ta’ Ta’ Sannat, qal il-Moviment, imma tista’ tidher ukoll f’diversi proġetti oħrajn bħal fil-Qala, Il-Mellieħa, Ix-Xewkija, u l-Mistra.
B’hekk, il-Moviment Graffitti qed jitlob biex isiru numru ta’ emendi f’din il-liġi, inklużi li ċ-ċittadini jkollhom il-ħin meħtieġ biex iressqu l-appell b’mod effettiv u li matul dan il-perjodu ma jsiru l-ebda xogħlijiet abbażi tal-permessi kontestati.
Il-Moviment għalaq l-istqarrija tiegħu billi qal li mhux ħa jibqa’ sieket “quddiem il-kolp ta’ stat mill-iżviluppaturi fuq s-sistema tal-ippjanar u ġudizzjarja tagħna.”