Ġnien ġdid f'San Pawl il-Baħar ifakkar il-memorja ta' tfajla li mietet f'aċċident

Dan l-ispazju ta’ rikreazzjoni jfakkar il-memorja ta’ Kacey Sciberras tfajla ta’ 17-il sena, li tilfet ħajjitha traġikament f’aċċident tat-traffiku fl-2023

L-Inawgurazzjoni ta' Ġnien Kacey Sciberras (Ritratt: DOI)
L-Inawgurazzjoni ta' Ġnien Kacey Sciberras (Ritratt: DOI)

Ġie inawgurat Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar. Dan l-ispazju ta’ rikreazzjoni jfakkar il-memorja ta’ Kacey Sciberras tfajla ta’ 17-il sena, li tilfet ħajjitha traġikament f’aċċident tat-traffiku fl-2023. Fl-implimentazzjoni tal-proġett ingħatat l-importanza s-sosstenibbilita', l-aċċestibilita' u l-memorja ta' Kacey Sciberras.

“Permezz ta’ dan il-proġett ridna nżommu l-memorja ta’ Kacey ħajja. Naf kemm kienet tħobb lil San Pawl il-Baħar u l-kontribut li tat f’din il-lokalità. Għalhekk inħeġġeġ lill-pubbliku biex jiġu u jagħmel użu tajjeb minn dan l-ispazju miftuħ," qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt l-inawgurazzjoni.

Il-Ministru spjegat kif Ġnien Kacey Sciberras huwa eżempju ta’ kif il-Gvern qed joħloq spazji ħodor miftuħa fl-ibliet. F'dan il-proġett ġie installat ukoll tagħmir fejn jistgħu jilgħabu t-tfal magħmul minn zkuk u injam riċiklabbli. Dan il-ġnien huwa wkoll mgħammar b’dawl iġġenerat mix-xemx.

“Permezz ta’ dan il-proġett qed nilħqu madwar 3,200 residenza f’distanza ta’ 10 minuti mixi. Kull ma jmur, qed inkomplu nżommu l-kelma li tajna li aktar spazji ħodor ikunu aċċessibbli u viċin għan-nies.”

Il-perit responsabbli mill-proġett, Cheryl Camilleri qalet, “Illum qed naraw Ġnien Kacey Sciberras fl-aqwa tiegħu, hekk kif qabel ma bdejna naħdmu fuq dan il-proġett, din iż-żona kienet waħda mitluqa. Issa llum qed naraw trasformazzjoni sħiħa, b’bosta residenti jistgħu jiġu u jgawdu ftit ħin ta’ rilassament fi spazju li seta’ faċilment inbidel f’binja peress li jinsab fiż-żona tal-iżvilupp.”
 
Kacey ħalliet warajha reputazzjoni bħala tfajla rispettabbli li kienet tferraħ lil kulħadd. Hija kienet attiva ħafna fil-festa tal-lokalità u anke kienet membru fil-Kumitat Festa Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar. Għal din l-inawgurazzjoni attendew il-qraba ta’ Kacey, kif ukoll il-Kumitat Festa Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar.

More in Socjali