Il-proġett kontroversjali tal-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid irivedut, il-kafetterija titpoġġa fis-sulari t'isfel

Ħanut tas-souvenirs u kafetterija żgħira u diskreta, ġiet proposta fuq il-livell tal-art, f’żona li bħalissa tintuża bħala garaxx u li tħares lejn Triq il-Knisja,

Il-pjanijiet il-ġodda ppreżentati mill-parroċċa tal-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid m’għadhomx jinkludu l-kafetterija fuq il-bejt, bħal ma kienet proposta bejn iż-żewġ kampnari tal-knisja, wara li dan l-element tal-proġett kien qajjem kontroversja kbira.

Minflok, il-pjanti, li ġew sottomessi l-ġimgħa li għaddiet, jipproponu li l-bejt bejn il-kampnari jiġi utilizzat bħala pjattaforma ta’ osservazzjoni. Fuq il-livell tal-art, f’żona li bħalissa tintuża bħala garaxx u li tħares lejn Triq il-Knisja, issa qed tiġi proposta ħanut tas-souvenirs u kafetterija żgħira u diskreta.

Il-proġett xorta waħda jinkludi spazji għall-wirjiet ġewwa l-kampnari kif ukoll ċentru ta’ interpretazzjoni ħdejn il-ħanut tas-souvenirs propost. Dawn, deskritti mill-kappillan Fr Marc Andrea Camilleri bħala “mużew vertikali,” għandhom l-għan li jużaw b’mod sħiħ sitt kmamar fuq kull naħa tal-kampnari.

(Ritratti: PA)
(Ritratti: PA)

Ftehim mal-gvern għall-finanzjament tar-restawr

Il-pjanijiet ġodda huma riżultat ta’ ftehim milħuq f’Lulju li għadda, fejn il-gvern impenja €400,000 għar-restawr tal-Bażilika. Fr Camilleri iddeskriva dan il-ftehim bħala “sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ.” Fil-fatt, il-ftehim kien diġà stipula li l-kafetterija proposta fuq il-bejt tiġi rilokata għal-livell tal-art.

Fr Camilleri kien saħaq li l-proġett kollu huwa intiż biex jiġu koperti l-ispejjeż għoljin marbuta mal-manutenzjoni u r-restawr ta’ dan l-edifiċċju majestuż.

'Irid isir bilfors biex iċ-ċentru jibqa’ sostenibbli'

L-idea oriġinali tal-kafetterija fuq il-bejt kienet qanqlet reazzjonijiet qawwija kemm fil-pubbliku kif ukoll fost esponenti tal-politika, tant li wasslet lill-Prim Ministru biex jappella lill-parroċċa biex tirrevedi l-pjanijiet tagħha.

F’intervista mal-midja f’April, Fr Camilleri kien qal li l-kafetterija kienet biss aspett minuri tal-proġett iżda wieħed essenzjali biex jiġi miġġieled il-piż finanzjarju ta’ manutenzjoni tal-knisja. “Fl-aħħar mill-aħħar, irridu nħallsu l-kontijiet,” kien qal.

Din ir-reviżjoni għandha l-għan li tibbilanċja l-ħtiġijiet finanzjarji tal-knisja mar-reżistenza għall-użu kummerċjali tal-ispazji sagri.

More in Socjali