Kif nista’ ngħin lil min għaddej mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika?

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkopri kull tip ta’ abbuż li jsir minħabba l-ġeneru tal-persuna u ħafna drabi dawn l-azzjonijiet jiġu akkumpanjati minn twemmin riġidu u attitudnijiet li jiffavorixxu l-isterjotipi tal-ġeneri u l-inugwaljanzi li jitkattru minnhom

Il-konsegwenzi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru jolqtu lil kulħadd. Kemm jekk il-vjolenza qed issir fuq il-persuna u kemm jekk l-individwu jkun jaf lil xi ħadd qrib tiegħu li għaddej minn esperjenzi abbużivi.  Għalhekk, permezz tal-kampanja nazzjonali ‘Flimkien Nieqfu. Flimkien Infiqu.’, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, bis-sapport tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, qed tisħaq dwar l-importanza ta’ ħiliet imsejsa fuq l-appoġġ u s-solidarjetà f’sitwazzjonijiet imwiegħra bl-abbuż u l-vjolenza.

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tkopri kull tip ta’ abbuż li jsir minħabba l-ġeneru tal-persuna u ħafna drabi dawn l-azzjonijiet jiġu akkumpanjati minn twemmin riġidu u attitudnijiet li jiffavorixxu l-isterjotipi tal-ġeneri u l-inugwaljanzi li jitkattru minnhom. Din it-tip ta’ vjolenza tista’ tieħu xejra ta’ abbuż fiżiku, abbuż emozzjonali, abbuż sesswali, abbuż ekonomiku u abbuż online.  

Il-vjolenza xxekkel id-dinjità u s-sigurtà tal-persuna. Il-konsegwenzi tagħha huma profondi u jistgħu jirriżultaw f’impatti fiżiċi, mentali u soċjali. L-effetti fiżiċi mhux biss iħallu marki fuq il-ġisem iżda jirriżultaw fi problemi ta’ saħħa fiżika jew, fl-agħar forma ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru; qtil. Meta persuna tkun qed tesperjenza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tħoss sens ta’ ħtija u umiljazzjoni. Dawn l-emozzjonijiet jistgħu jwittu t-triq għall-ansjetà, dipressjoni, u ħsibijiet marbuta mas-suwiċidju. Barra minn hekk, il-vittma tesperjenza wkoll diffikultajiet soċjali. L-abbuż jirrenja fl-iżolament. Ħafna drabi l-aggressuri jibdew jaqtgħu lill-vittma mill-kuntatt mal-persuni l-aktar qrib tagħha. L-abbuż huwa sinonimu mal-kilba għall-kontroll u l-poter u minħabba f’hekk, f’bosta sitwazzjonijiet, l-aggressuri jiffaċilitaw il-vjolenza billi joħoloqu kuntest fejn il-vittma tiddependi biss fuqhom. Din tagħmilha iżjed diffiċli sabiex il-persuna tieħu kontroll fuq ħajjitha u toħroġ mill-abbuż.

Kif tista’ tkun ta’ għajnuna f’sitwazzjonijiet abbużivi?

Dawk viċin tal-persuna wkoll jistgħu jesperjenzaw l-effetti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, speċjalment meta jiġu darhom mal-ħajt għaliex jibżgħu jew ma jkunux jafu kif għandhom jintervjenu f’sitwazzjonijiet abbużivi. F’każijiet bħal dawn huwa importanti li tingħata prijorità għas-sigurtà tal-vittma u tal-persuna li jixtieq jagħti għajnuna.

1. Agħti widen u sapport

Meta persuna tiftaħ qalbha dwar esperjenzi abbużivi, żomm f’moħħok li l-persuna qed tafda fik. Huwa importanti li dak li jingħad bejnek u bejn il-persuna ma jinxteridx ma’ terzi persuni mingħajr il-kunsens tal-individwu li għaddej mill-abbuż. Dan jista’ jwassal għal bidu ta’ xnihat u għajdut fuq il-vittma u jiżdied ir-riskju li l-aggressur isir jaf li l-vittma tkellmet fuq l-abbuż li għaddejja minnu, biċ-ċans li l-vjolenza teskala.

Waqt li l-persuna tkun qed tiftaħ qalbha, għandna nisimgħuha mingħajr ebda preġudizzju u m’għandna qatt nagħtu t-tort lill-vittma. Il-vjolenza mhi qatt ġustifikata. Ta’ min jisħaq li jekk il-persuna tinsab f’periklu immedjat, wieħed għandu jieħu azzjoni immedjata b’mod sikur.

2. Żomm f’moħħok is-sigurtà

Jekk persuna tirrakkontalek esperjenza personali jew tinzerta tara sitwazzjoni ta’ abbuż fuq persuni li ma tafx, dejjem agħti prijorità lis-sigurtà tiegħek u tal-vittma.

Jekk ma tħossokx komdu li tikkonfronta lill-aggressur, staqsi għall-għajnuna. Per eżempju, jekk inzertajt rajt persuna titfa’ xi ħaġa fi drink ta’ ħaddieħor, tista’ titlob l-għajnuna tal-ħaddiema mal-bar u tagħmel kuntatt mal-pulizija.

3. Irrispetta d-deċiżjonijiet tal-persuna

Ħafna drabi f’kuntest ta’ abbuż f’relazzjoni intima, l-ewwel istint li jkollna hu li nħeġġu lill-persuna sabiex titlaq lis-sieħeb/sieħba. Forsi nsibuha diffiċli biex nifhmu għalxiex il-persuna meta tkun għaddejja mill-abbuż xorta waħda tibqa’ fir-relazzjoni. Iżda tajjeb li nżommu f’moħħna li l-abbuż isir parti minn ċiklu fejn is-sieħeb/sieħba abbużiv/a j/tuża metodi differenti sabiex il-vittma tibqa’ fir-relazzjoni. F’każijiet bħal dawn, ikun hemm involuti emozzjonijiet li jorbtu lill-vittma mal-aggressur riżultat tat-trawma li tkun qed tesperjenza l-vittma (trauma bonding). Dawn l-emozzjonijiet ikunu marbuta wkoll ma’ tama li l-affarijiet jistgħu jitranġaw u biża’ minn dak li jista’ jseħħ jekk tintemm ir-relazzjoni abbużiva.

Barra minn hekk, vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika iqisuha darbtejn qabel jitilqu minħabba bosta raġunijiet, speċjalment minħabba t-tfal u s-sitwazzjoni ekonomika. Għaldaqstant għandna nirrispettaw id-deċiżjoni tal-persuna f’kull stadju u dejjem għandna nħeġġu lill-persuna sabiex tagħmel kuntatt mas-servizzi li joffru għajnuna professjonali f’każijiet bħal dawn. Biss, f’sitwazzjonijiet fejn tinsab allarmat minħabba s-sigurtà tal-persuna, irrapporta lill-pulizija minnufih.

4. Informa ruħek dwar is-servizzi professjonali sabiex tirreferi lill-persuna għand servizzi professjonali

F’sitwazzjonijiet fejn l-abbuż ikun qed isir f’relazzjoni intima, huwa importanti li nqisu l-pariri tagħna għaliex għalkemm inkunu nixtiequ ngħinu, meta nħeġġu lill-persuna sabiex taqbad u titlaq mir-relazzjoni mingħajr pjan jew gwida professjonali, ir-riskju li l-vjolenza teskala jkun ikbar.

Għalhekk huwa importanti ħafna li aħna stess inkunu infurmati dwar is-servizzi professjonali li jassistu f’każijiet abbużivi sabiex b’hekk inkunu nistgħu ninfurmaw lill-persuna bl-għajnuna professjonali li tingħata mingħand bosta servizzi bla ħlas. Dawn is-servizzi joffru assistenza psikoloġika, soċjali u legali filwaqt li jfasslu pjan sikur li jiggwida lill-persuna sabiex toħroġ mir-relazzjoni abbużiva mingħajr riskji.

Jekk inti jew xi ħadd qrib tiegħek jinsab għaddej mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika, agħmel kuntatt mal-179 li huwa l-helpline nazzjonali miftuħ erba’ u għoxrin siegħa kuljum u mal-116 006 li huwa l-helpline tal-Aġenzija għall-Vittmi ta’ Kriminalità. F’każijiet ta’ emerġenza ċempel 112.

Skenja din il-QR code għal aktar dettalji u kuntatti tas-servizzi professjonali li joffru għajnuna f’każijiet ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika:

More in Socjali