Ħbatt u ma weġġajtx? Ħu ritratt, imla l-formola u ersaq mal-ġenb

Claudio Tonna, Direttur tal-LESA, jgħid li vetturi li jitħallew f’nofs it-triq jistgħu joħolqu perikli ta’ saħħa u inkonvenjent għal sewwieqa oħra

 

Mhux kulħadd jaf x’għandu jagħmel f’każ ta’ ħabta bumper to bumper, u dan jidher biċ-ċar meta jaħbtu żewġ persuni u warajhom jinġabru serbut karozzi.  

Iwieġeb mistoqsijiet frekwenti, Claudio Tonna, Direttur tal-LESA, spjega li f’każ ta’ ħabta bumper-to-bumper, mingħajr persuni feruti, importanti li tieħu r-ritratti, timla l-formola u tressaq il-vettura fil-ġenb. Dan anke jekk ma jkunx hemm qbil fuq ta’ min hu t-tort.   

Tonna tkellem fuq l-importanza li tittieħed azzjoni immedjata. Qal li filwaqt li l-LESA hija disponibbli biex tassisti jekk ikun hemm bżonn, huwa rrakkomandat li ż-żewġ partijiet involuti, f’ħabtiet żgħar, jieħdu ritratti tal-inċident u jmexxu l-vetturi tagħhom f’post aktar sigur b’mod immedjat.   

Il-vetturi li jitħallew f’nofs it-triq jistgħu joħolqu perikli ta’ saħħa u sigurtà, u inkonvenjent għal sewwieqa oħra.     

Għal dawk li jippreferu jimmaniġġjaw ħabtiet minuri b’mod indipendenti, Tonna nnota li sakemm il-partijiet ikollhom id-dokument tal-Bumper-to-Bumper, l-assistenza tal-LESA mhix bżonjuża.    

Madankollu, il-LESA tibqa’ disponibbli biex tipprovdi appoġġ jekk meħtieġ, speċjalment jekk persuni involuti jkollhom diffikultà speċjalment fil-kitba jew fil-qari.    

Għal għajnuna mil-LESA, individwi jistgħu jċemplu fuq 2132 02021.    

F’każi li jinvolvu ġrieħi, Tonna saħaq fuq il-bżonn li jċemplu l-Pulizija u s-servizzi mediċi jiġu mgħarrfa fl-iqsar żmien possibbli.    

Dan jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi indirizzata kwalunkwe emerġenza medika u jiġu ffaċilitati l-proċeduri legali meħtieġa.    

Tonna temm b’appell għall-għaqal fost is-sewwieqa u saħaq fuq l-importanza ta’ rispett fit-triq u lejn il-liġijiet  tat-toroq. 

More in Socjali