MEA tissuġġerixxi riforma fil-politika fiskali għal pagi ugwali bejn is-sessi

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA) Joseph Farrugia jgħid li każijiet fejn mara titħallas inqas minn raġel qatt ma ġew irrappurtati 

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA) Joseph Farrugia
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA) Joseph Farrugia

Malta għandha bżonn riforma fil-politika fiskali, ġaladarba trid tassigura lin-nisa ma jibqgħux jitħallsu inqas mill-irġiel, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min Iħaddem (MEA), Joseph Farrugia, qal. 

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, b’rabta mar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) (ara paġna 4) Farrugia attribwixxa l-eżistenza tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi għal diversi fatturi. Fosthom semma n-nuqqas ta’ nisa f’pożizzjonijiet għoljin u d-diskrepanza fil-livelli tal-edukazzjoni taż-żewġ sessi, xi ħaġa li skontu qed tinbidel. 

“Fil-passat qarib kellek inqas nisa li kellhom livell ta’ edukazzjoni għolja, iżda din ix-xejra qed tinbidel hekk kif kull sena iktar nisa qed jiggradwaw,” spjega Farrugia.  

Farrugia rrimarka wkoll li xi nisa qed jagħżlu li jaħdmu inqas sigħat, b’raġuni ewlenija tkun minħabba ftehim mal-imsieħba tagħhom fuq min se jiffoka fuq it-tfal u d-dar. 

Saħaq li l-MEA hija kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u kompla jgħid li każijiet bħal dawn qatt ma ġew irrappurtati. 

“Rigward diskriminazzjoni bejn is-sessi aħna totalment kontriha, u hekk membru jiġi mixli aħna nieħdu azzjoni minnufih, però s’issa ma kellniex rapporti” qal Farrugia. 

Bħala soluzzjoni, Farrugia semma l-importanza ta’ arranġamenti ta’ xogħol fosthom permezz ta’ sigħat flessibbli, filwaqt li rrikonoxxa li t-teleworking jaf jilgħab irwil importanti. 

Barra minn hekk, Farrugia ġibed l-attenzjoni għad-disparitajiet sinifikanti fil-pagi fi ħdan is-settur pubbliku wkoll, b’mod partikolari enfasizza d-distakk żgħir li jeżisti bejn dawk li jaqilgħu l-inqas u dawk li jaqilgħu l-aktar fis-settur pubbliku, bl-ogħla kariga tkun dik ta’ Prim Ministru.  

Huwa ħeġġeġ lill-Gvern biex jindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ riforma fil-politika fiskali. Din tfisser li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tar-riżorsi, “biex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u jittaffa l-faqar.” 

“Ġieli kkritikajna l-mod kif ċerti persuni ta’ fiduċja (persons of trust) qed jaqilgħu wisq u din qed toħloq żbilanċ, anke fis-settur privat, minkejja li hija ferm iktar rari fil-privat. L-appell tiegħi huwa li għandu jkun hemm ċerta ġustizzja fejn hemm diskrepanzi għoljin fil-pagi.” 

Farrugia qalli li hemm tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-utilitajiet, u ssuġġerixxa li s-sussidji tal-Gvern jiġu allokati b’mod iktar għaqli meta jassistu familji bi dħul baxx.  

 “Kieku kien ikun iktar għaqli li kieku l-aġġustament tal-enerġija ntuża biex jgħin familji fil-bżonn jinvestu f’panelli fotovoltajiċi,” issuġġerixxa Farrugia.  

More in Socjali