[BIL-FILMAT] Clint Azzopardi Flores 'Nemmen li l-Partit Laburista ma ġiex apprezzat f’ċerti politiki soċjali li wettaq’

Se jkun hemm żieda fl-astenzjonijiet fl-elezzjoni li ġejja? X’setgħet tagħmel aħjar l-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-kunflitt fl-Ukrajna? Għaliex Clint Azzopardi Flores ma jaqbilx li l-UE tarma’ ruħha bl-armi, speċjalment dawk nukleari? 

Fil-fehma tiegħek, liema miżuri alternattivi setgħet tieħu l-UE breazzjoni għall-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna meta tqis il-kritika tiegħek tas-sanzjonijiet imposti? 

Il-kritika tiegħi fuq is-sanzjonijiet kienet waħda: Dik li għandna nagħmlu miżuri ristrettivi fuq ċerti persuni li kienu msemmija fil-lista ta’ Aleksei Navalny, illi fil-fehma tiegħi wettaq xogħol impekkabbli. 

Il-kritika ma kinitx biex ħadd ma jagħmel xejn. Il-kritika kienet ‘jekk se nagħmlu xi ħaġa nagħmluha sura’, għax kien hemm ċerta inkompetenza fil-mod ta’ kif saru xi affarijiet. 

Il-Kummissjoni Ewropea qalgħet ’il barra r-Rappreżentant Għoli Joseph Borrell u minflok ħarbtet il-proċess kollu u marret tinnegozja. Fil-fatt nemmen li għamluha bla bżonn. 

Semmejt li tħoss it-‘tingiż’ tar-regolamenti tal-UE, partikolarment foqsma bħall-istandards tal-emissjonijiet. Tista’ tespandi fuq regolamenti speċifiċi li temmen li qed jolqtu lil Malta b’mod sproporzjonat? 

Għandek sett ta’ regoli li jissejħu Climate and environmental risks li jaqgħu taħt il-kappa tal-Environmental Social Governance (ESG).  

Aħna dħalna f’punt issa li rridu nkunu nafu x’qed jagħmlu n-negozji fuq is-sostenibbiltà, eżempju, x’prattiċi qed jużaw li ma jħammġux, eċċetra. Hemm xi miżuri li huma tajbin u naqbel magħhom, imma li ma naqbilx huwa l-mod ta’ kif qed jiġu introdotti, jiġifieri t-‘tingiż’ li qed iħossu n-negozji x’kien? Kellhom l-isfida tal-għoli tal-ħajja, kellek problemi bil-provvista tal-prodotti u fl-istess ħin kellhom din l-ispiża żejda. Dan hu t-’tingiż’ li qed iħossu n-negozji. 

Kważi kważi tiġi qisha sistema kkontollata. Minflok qed tikkontrolla bil-prezz, qiegħed tikkontrolla n-negozji b’xi ħaġa ġdida, fosthom l-ammont ta’ karbonju li jixħtu dawn il-kumpaniji. Nemmen li forsi hemm bżonn li nirregolaw il-metodu ta’ kif jidħlu l-affarijiet.  

Naħseb li fejn fallew il-gvernijiet fl-UE, l-industrija spiċċat ħa jkollha tirregola x-xogħol li kellhom jagħmlu l-gvernijiet, jiġifieri qed nitkellmu l-industrija finanzjarja u banek, għax jekk se tagħmel skrutinju ħa tispiċċa tkun taf persuni litteralment x’tagħmel u ma tagħmilx bl-attivitajiet tagħha. 

Int enfasizzajt tħassib dwar iż-żieda fir-rati ta’ astensjoni fl-elezzjonijiet Ewropej, partikolarment fost il-votanti Laburisti. X'taħseb li huma l-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal din it-tendenza, u kif tipproponi li tindirizzahom? 

Fil-kwistjoni tal-Partit Laburista hemm element fejn in-nies qed jaraw l-affarijiet personali tagħhom, jiġifieri għandek nies li għandhom kwistjonijiet personali li għadhom ma ġewx indirizzati, mhumiex affarijiet kbar imma li karkru mill-leġiżlaturi ta’ qabel u kellhom jiġu indirizzati.  

Hija sitwazzjoni kumplessa ħafna. Għandek sitwazzjoni fejn ħriġna mill-pandemija tal-COVID-19 u faqqgħet il-gwerra. Dak iż-żmien kont għedt li jekk aħna ħa mmorru f’dik id-direzzjoni jfisser li partiti li mhumiex tradizzjonalment mal-Partit Laburista jew Partit Nazzjonalista jista’ jkun li jivvutaw partiti popolisti mhux f’Malta biss iżda madwar l-Ewropa, għax għandek is-sentiment ekonomiku li huwa ħażin u min hu popolist se jikkapitalizza minn fuqha.  

Jekk nieħdu l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali bħala eżempju, tħoss li kien hemm nies vulnerabbli li ġew imwiegħda tama bla sugu? Għalihom qed tirreferi? 

Is-sitwazzjoni tal-frodi jien mhux ħa nitkellem fuqha għax hemm il-qrati għaddejjin. Jekk ngħaddi kummenti jista’ jkun li nkun qed inħalli preġudizzju, allura ħa noqgħod mal-paremetri li nista’ ngħid. 

Naħseb li m’għandux ikun li jeħel il-kollettiv. Waqt li kont qed inżur in-nies, iltqajt ma’ każ fejn il-familja wirtet dar fi żmien Mintoff u wara numru ta’ snin id-dar kellha tinqasam bejn tmien familji (aħwa). Il-flus li ħadu minnha użawhom biex jirranġaw id-dar tagħhom, il-karozza, eċċ. Seba’ snin wara staqsewh għal irċevuti. Niftakru li tajjeb li jkollok l-infurzar u moniteraġġ imma mhux li tmur seba’ snin lura u tistaqsih għall-irċevuti. U dan mhux każ wieħed, fejn it-tajjeb qed jeħel mal-ħażin.  

 

Kelli każijiet oħra li jirrelataw mal-blue badge. Darba segwejt każ fejn qalu li bniedem ma japplikax għall-blue badge minkejja li huwa bis-siġġu tar-roti. Dawn huma każijiet li ġew investigati u min verament kellu r-raġun, ħadu. Attwalment jista’ jkun missieri jew oħti. Jekk m’għandux dritt, m’għandux raġun. 

Taħseb li għall-elezzjoni se jkun hemm astensjoni speċjalment fost il-partitarji Laburisti? 

Naħseb li għad fadal żmien. L-elezzjoni tal-MEP qisha elezzjoni f’nofs leġiżlatura. In-nies jgħidulek “ejja ntuh naqra tbeżbiża lill-partit” u ma nemminx li huwa tajjeb. 

Naħseb li s-setturi tal-kostruzzjoni u t-temping agencies, minkejja li mixjin b’ritmu tajjeb, għandu jkollhom iktar regoli stretti bl-għan li jnaqqsu l-abbuż. Mid-diskors tal-Prim jidher li se jkun qed jaħdem fuqha l-Gvern u nemmen li se ġġib magħha l-ġid. 

Il-Partit Laburista għamel ħafna tajjeb; żieda fil-pensjonijiet, il-kontijiet tad-dawl, l-ilma u l-prezzijiet tal-fuels li baqgħu stabbli, childcare b’xejn li baqa’ jissaħħaħ, carers grant.... Iva dawn kollha ħżiena? 

Nemmen li l-PL ma ġiex apprezzat f’ċerti politiki soċjali li wettaq. M’iniex ngħidlek li ma kienx hemm żbalji – mhux ovvja li saru ċerti żbalji! – min ma jagħmel xejn u joqgħod gallerija jħares ukoll qed jagħmel żball li qed jaħli l-ħin anzi u ara jekk tkun qed tagħmel ix-xogħol. Il-PL irid jibqa’ jfakkar ix-xogħol kbir li għamel u ma joqgħodx jinħela fuq narrattivi biex jirribatti affarijiet li ma jkunux minnhom. Importanti li nżommu t-trasparenza u l-governanza soda però governanza b’saħħitha trid tiġi miż-żewġ naħat. Naqbel li l-Partit Nazzjonalista jippubblika l-kontijiet tiegħu, mhux basta ngħajtu għat-trasparenza u mbagħad tkun int li qed tonqos.  

Fejn tidħol it-tmexxija ta’ Robert Abela, l-affarijiet li ddaħħlu favur governanza b’saħħitha, ħadd ma jista’ jmerihom. Kien hemm il-grey listing, ħadem fuqha u ħriġna minnha fi żmien qasir ħafna u nemmen li wettaq xogħol tajjeb. 

Ma taħsibx li meta tqabbel il-politika ta’ difiża tal-EPP mal-kilba għall-armi tal-Ġermanja tat-30ijiet, qiegħed tuża l-istess elementi ta' propaganda Russa li tqabbilhom man-Nażisti ta’ dak iż-żmien? 

Le, ma nemminx. Ħa nagħmilha ċara. Dawk li qabdu biċċa minn artiklu sħiħ u qalu li jien qed inxebbahhom mal-affarijiet tan-Nażi, ma kienx il-każ.  

Ejja mmorru lura fl-istorja. Jekk dawn kellhom din l-istorja ma jfissirx neċessarjament li qed inqabbilhom magħhom. Jien kulma għedt huwa li dak iż-żmien kien hemm il-ġlieda biex jarmaw għax kienu qed jikkompetu mal-Franċiżi li tawhom umiljazzjoni bit-trattat ta’ Versailles. Kulħadd jafha l-istorja tal-Ġermanja u li noqogħdu naħbu l-istorja hija ħażina. 

Jien għedt li hemm nostalġija biex jerġgħu jarmaw. Fejn tidħol l-EPP, il-kwistjoni hi fuq jekk iridux jarmaw minħabba difiża (fosthom b’armi nukleari) jew qed jarmaw minħabba l-biża’ li jitla’ Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti. In-NATO ġiet maħluqa biex l-Amerikani jkollhom sigurtà fl-Ewropa filwaqt li jaqilgħu ’l barra l-Unjoni Sovjetika u l-Ġermaniżi jżommuhom ’l isfel. Ma kinitx Ewropa li kienet qed tarma wara t-Tieni Gwerra Dinjija, anzi kien hemm il-kunċett li jżarmaw l-armi.  

Jekk qed nara dik l-imbuttatura biex jarmaw, jien ħa nkun onest ma niħux pjaċir nara lill-Ġermaniżi jarmaw ruħhom. Jiġifieri l-idea kienet ejja nqumu minn hemm. 

Jien mhux qed nikkritika lill-Punent. Jien qed nikkritika l-inkompetenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Għandna rappreżentant għoli Josep Borrell u kellu jkun hu li jinnegozja. 

More in Socjali