Jinġabru 15-il tunellata ta’ skart wara l-festi ta’ San Patrizju f’San Ġiljan

F’erba’ sigħat, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret madwar 15-il tunellata ta’ skart wara l-festi ta’ San Patrizju f’San Ġiljan

L-artiklu ġie aġġornat bl-ammont korrett ta' skart li nġabar wara żball fl-istqarrija għall-istampa tal-gvern

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret madwar 15-il tunellata ta’ skart f’erba’ sigħat wara l-festi ta’ San Patrizju f’San Ġiljan.

Il-ħidma ta’ CleanMalta kienet tinvolvi 22 ħaddiem li permezz ta’ 2 refuse vehicles, high pressure street washer, water bowser, 3 tipper vans u 2 fully electric sweepers daru żoni f’San Ġiljan li jinkludu l-akwati kollha ta’ Paceville, Triq San Ġorġ u x-xatt tal-madwar. 

Dawn id-dettalji ġew imħabbra waqt żjara li għamlu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara f’San Ġiljan fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni kienet preparata bil-ħaddiema tant abbli tagħha kkumplimentata mill-investiment riċenti li sar f’apparat teknoloġiku u ambjentali.  

Bedingfield stqarr li “huwa kruċjali illi x-xogħol ta’ tindif isir wara li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jgħaddu, imma huwa daqstant ieħor importanti illi dawk kollha li jattendu jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jgħinuna verament nieħdu ħsieb pajjiżna.”

Deguara tenna li t-tindif sar f’ħin relattivament qasir u dan huwa grazzi għal kordinazzjoni  bejn ir-riżors uman u l-investiment li sar fl-aħħar xhur, li qed jagħtu riżultat mill-aqwa. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol eċċellenti, fejn din iz-żona ingħatat lura lill-pubbliku fi ftit ħin daqs li kieku qatt ma sar xejn fl-24 siegha ta’ qabel.

More in Socjali