Frar ra żieda ta' 42,000 li użaw l-ferry, jgħid il-Malta Maritime Forum

Il-Forum irrakkomanda pubblikament ukoll l-introduzzjoni ta’ servizz Ro-Ro għat-trasport tal-merkanzija bejn il-Port Ħieles ta’ Malta u l-Port il-Kbir sal-Port tal-Imġarr f’Għawdex

Il-Malta Maritime Forum (MMF) qalet li rat żieda f’passiġġieri li użaw is-servizz tal-ferry tul ix-xahar ta’ Frar, dan riżultat tal-fatt li għal dawk li għandhom Tallinja Card jistgħu jinqdew mis-servizz b’xejn. 

 Skont il-MMF, 42,000 użaw dan is-servizz. 

Jiġifieri 110,000 persuna qed jużaw trasport bil-baħar minflok vetturi.  

L-MMF ilu jimbotta dan it-tip ta’ trasport sabiex jitaffa it-traffiku u jiżdied l-użu ta’ trasport bil-baħar. “B’tali mod iservi ta’ soluzzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni u l-konġestjoni tat-traffiku,” qal il-MMF. 

Il-Forum irrakkomanda pubblikament ukoll l-introduzzjoni ta’ servizz Ro-Ro għat-trasport tal-merkanzija bejn il-Port Ħieles ta’ Malta u l-Port il-Kbir sal-Port tal-Imġarr f’Għawdex possibilment b’waqfa fit-Tramuntana ta’ Malta. 

Għalkemm statistika preċiża għadha mhix disponibbli, minn indikazzjonijiet affidabbli l-MMF huwa fiduċjuż li servizz bħal dan huwa sostenibbli filwaqt li ttaffi l-linji ta’ vetturi tqal mit-toroq prinċipali partikolarment fit-Tramuntana ta’ Malta.

L-MMF spiss jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet lokali u wkoll mal-kontropartijiet tiegħu fi Brussell inklużi n-Netwerk Ewropew tal-Klusters Marittimi (ENMC) u l-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Ilma (WTP) li jippromwovu b’mod attiv bidla fit-traffiku fit-toroq għall-użu ta’ trasport bil-baħar. 

L-għan huwa li titaffa l-konġestjoni u t-tniġġis fl-arja u b'hekk jintlaħqu l-għanijiet tal-Pakkett tal-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea.

More in Socjali