‘L-avvanzi tagħna juru biċ-ċar li aħna kapaċi daqs l-irġiel’, futboler Maltija

F’Jum il-mara: LUIGI SGHENDO jitkellem ma’ Maya Lucia, futboler Maltija ta’ 20 sena, li qiegħda tilgħab ma’ ŽNK Osijek.  

Hekk kif id-dinja tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Mara, din il-gazzetta ltaqgħet ma’ Maya Lucia, futboler fit-tim nazzjonali Malti tan-nisa. Hija tilgħab ukoll għal ŽNK Osijek, tim tal-futbol tan-nisa professjonali Kroat ibbażat f’Osijek. 

Lucia qasmet il-ħsibijiet tagħha f’Jum il-Mara, u enfasizzat is-sinifikat tagħha biex tisħaq fuq il-kisbiet tan-nisa u l-avvanzi li saru fil-futbol tan-nisa. Hija ddeskriviet Jum il-Mara bħala tfakkira li n-nisa huma kapaċi daqs l-irġiel u l-avvanzi tal-futbol tan-nisa qed juru dan.  

“Ġranet bħal dawn huma opportunità tajba wkoll għall-media biex tfakkar lis-soċjetà fil-kisbiet tan-nisa,” hija qalet. 

Lucia rebħet l-Aqwa Plejer Żagħżugħa f’Malta bħala unur, kif ukoll kienet parti mill-ewwel proċedura leġiżlattiva kontra r-razziżmu. Kienet l-unika ambaxxatriċi mara Maltija fl-istrateġija kontra r-razziżmu.  

Hija kellha wkoll l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha quddiem ambaxxaturi tal-futbol madwar l-Ewropa u qanqlet iktar kuxjenza fuq sfidi razzjali fost oħrajn.  

Barra minn hekk, fil-ħin liberu tagħha, hija toffri għajnuna fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far fejn fost l-oħrajn tgħin lill-immigranti jiżviluppaw u jsibu impjieg. Hija qalet li tittama li xi darba toħloq għaqda tal-karità biex tindirizza dawn l-isfidi u tgħin persuni fil-bżonn. 

“Meta ‘tidher’ Maltija taffaċċja battalja waħda, dik li tirsisti u taspira, imma ħassejt li kelli nuri li posti huwa mat-tim Nazzjonali Malti, xi ħaġa li nħoss li ħadd m’għandu jħoss, madankollu ħassejtha.” 

Min-naħa l-oħra, għaliha, hija perċezzjoni li għax tkun ta’ ċerta razza, allura int tiġri iktar, tkun aktar b’saħħtek jew aktar aggressiva.  

“Naf plejers li rrakkontaw kif il-klabbs tagħhom kienu diżappuntati għax assumew li għandhom ċertu mod kif jilagħbu, sempliċement minħabba r-razza tagħhom.”  

Mistoqsija dwar kif qed jiġi ttrattat il-futbol Malti tan-Nisa, Lucia kellha rimarki pożittivi.  

Madankollu, insistiet li jrid isir iktar speċjalment fi kwistjonijiet li huma preżenti wkoll fil-futbol tal-irġiel, ngħidu aħna l-mentalità li l-futbol ma jistax joffri karriera diċenti. 

Saħqet li jridu jissaħħu l-istituzzjonijiet biex il-plejers lokali jkunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom. 

Hija kompliet tgħid li b’differenza mill-futbol tal-irġiel, il-futbol tan-nisa għadu qed jiżviluppa. B’hekk qed jagħti opportunità ideali għan-nisa biex javvanzaw u jikbru mal-futbol. 

More in Socjali