Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn Infrastructure Malta u l-General Workers Union

Ftehim kollettiv ġdid li se joffri kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta fosthom żieda fis-salarji u kundizzjoni aħjar tax-xogħol

Infrastructure Malta u l-General Workers Union (GWU) laħqu ftehim kollettiv ġdid li se jkun ta’ benefiċċju għall-impjegati, fosthom żieda fis-salarji u kundizzjoni aħjar tax-xogħol.

Il-ftehim kollettiv ġdid ġie ffirmat mil-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon u mis-Segretarju tat-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Riccarda Darmanin, u jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2027. Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Ministru għat-Transport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett, is-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, u s-Segretarju Ġenerali tal- GWU Josef Bugeja. 

Bonett qal li  “Dan huwa ftehim kollettiv importanti ħafna li juri kemm verament il-Gvern għandu għal qalbu u jpoġġi fiċ-ċentru lil ħaddiema sabiex dawn jipprovdu xogħol ta’ kwalità għal pajjiżna.”

Min-naħa tiegħu Ivan Falzon qal “Permezz ta’ dan il-ftehim qed inkomplu npoġġu l-ħaddiem fuq quddiem u qed inkomplu nenfasizzaw biex kull professjonist ikollu iżjed żvilupp professjonali.”

Mill-banda l-oħra, Darmanin spjegat li b’dan il-ftehim kollettiv ser titjieb il-pożizzjoni tal-ħaddiema kemm dik finanzjarja kif ukoll fir-rigward ta’ progressjonijiet tal-karriera u miżuri favur il-familja. 

More in Socjali