Sanaa El Nahhal: 'F’Jum il-Mara nixtieq inwassal leħen kull mara minn Gaza'

F’kollegament dirett mal-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlemet Ewropew Marija Sara Vella Gafà, Sanaa qalet li bħalissa qiegħda fil-proċess li twassal żewġ containers mimlija għajnuna umanitarja minn Malta lejn Gaza

Sanaa El Nahhal (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Sanaa El Nahhal (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

“Wara li ħallasna ħafna mid-demm tal-Palestinjani u n-nies, trid tkun fair.” Dan kien kliem Sanaa El Nahhal mill-Palestina, direttriċi taċ-Ċentru tal-Lingwa Għarbija f’Malta. 

F’kollegament dirett mal-kandidata Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlemet Ewropew Marija Sara Vella Gafà, Sanaa qalet li bħalissa qiegħda fil-proċess li twassal żewġ containers mimlija għajnuna umanitarja minn Malta lejn Gaza. 

Sanaa qalet li wara li “batejna ħafna bħala Maltin u bħala Ministeru, l-Ambaxxatur, il-fabbriki, il-kumpaniji, kollha għenu...ħafna biex nagħmlu żewġ containers allura ma rridx li jinsterqu jew jintilfu.”

Sanaa qed tistenna li l-ewwel l-għajnuna tasal l-Eġittu u titiqiegħed fil-maħżen qabel ma taqbad titjira lejn Gaza. Fil-kollegament qalet li “irrid nagħmel miraklu kemm niflaħ biex indaħħalhom.”

Sanaa kompliet tgħid li bħala Palestinjani “ħallasna ħafna fuq il-freedom...ħaqqna jkollna l-freedom...rispett..ikollna ħajja bħat-tfal ta’ ħaddieħor,” filwaqt li enfasizzat li “tfal ħaqqhom skejjel..ikollhom ħajja tagħhom.” Dawn il-kliem żgur jolqot fil-laħam il-ħaj hekk kif kwazi 40% mejta huma tfal. 

Fl-aħħar tal-kollegament, Sanaa qalet li “bħala mara taf xi tħoss mara oħra” u jistgħu ikunu ta’ istrument biex iwasslu l-vuċi ta’ dawk in-nisa kollha f’Gaza fejn “kull mara għandha lil xi ħadd mejjet”.

Sanaa ġibdet l-attenzjoni wkoll fuq il-mara f’Gaza f’Jum il-Mara u sqarret li kull mara f’Gaza tilfet lil xi ħadd minn familtha kawża tal-gwerra. Hija qalet li s’issa 31,000 tilfu ħajjithom, li 70% huma nisa u tfal. 

Għall-Jum il-Mara, Sanaa trid tkun ta’ leħen, trid tkun mezz kif twassal leħen il-mara f’Gaza, “F’Jum il-Mara nixtieq inwassal leħen kull mara minn Gaza.”

More in Socjali