Laptop ieħor mitluf fil-Qorti: Ħidma għaddejja fuq tfittxija ta' evidenza mitlufa

Tkompli tiżdied il-lista xokkanti ta' evidenza mitlufa fil-Qorti. Laptop parti mill-evidenza f’każ kontra negozjant tal-karozzi akkużat b'ħasil tal-flus ma jinstabx

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti qed tikkollabora mal-pulizija u bord amministrattiv maħtur mill-ministru tal-ġustizzja sabiex tinsab evidenza, laptop, li għosfor mill-kamra tal-esebiti tal-qorti. 

Dan il-laptop kien parti mill-evidenza f’każ kontra negozjant tal-karozzi akkużat fuq ħasil ta’ flus. 

Imħallef ordna lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti u r-Reġistratur tal-Qorti jispjegaw kif sparixxa l-laptop. 

Din l-aħbar qajmet reazzjoni għal darb’oħra hekk kif intilfet evidenza. 

Fi sqtarrija, l-Għaqda Repubblika kitbet li “Ninsabu xxukkjati li għal darb'oħra, evidenza li kienet f'idejn il-Qrati għosfrot.”

L-istqarrija tkompli tgħid li “Repubblika tqis li l-għajbien ta' evidenza fil-Qrati huwa inaċċettabli u min hu resposabbli għandu jġorr ir-responsabbiltà għal dan in-nuqqas gravi... qed titneħħa l-għodda bażika biex issir il-ġustizzja. Mingħajr evidenza, il-ġustizzja ma ssirx u l-kriminal jirbaħ lis-soċjetà.”

Skont rapporti fil-midja, il-laptop kien esebit fil-Qorti f’Jannar 2022, iżda meta kien hemm bżonn li dan jerġa’ jiġi esebit f’seduta differenti però relatata mal-istess każ, il-laptop ma nstabx fil-kamra tal-esebiti. 

Il-kumpilazzjoni ta’ evidenza qiegħda tinġabar fuq Jessica Sciberras Azzopardi u Maria Attard li qed jaffaċċjaw akkużi li għenu u wettqu ħasil ta’ flus. Iżda, il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li l-laptop ma setax jinstab wara li kien ippreżentat bħala prova fil-kawża kontra n-negozjant tal-karozzi Bernard Attard ta’ 33 sena minn Ħaż-Żebbuġ. 

Attard jinsab akkużat fuq frodi ta’ €1.2 miljun u ħasil ta’ flus. 

Il-Qorti orndat lil-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini u lir-Reġistratur tal-Qorti, Franklin Calleja sabiex fi żmien ħmistax jagħtu spjegazzjoni dwar l-għajbien tal-laptop. 

“Dan huwa mument ieħor fejn l-Istat qed ifalli. Insostnu li l-Istat mhux xi ħaġa astratta imma persuni b'isem u kunjom li għandhom responsabbiltà lejna ċ-ċittadini,” kompliet tgħid l-istqarrija tal-Għaqda Repubblika.

“F'dan il-każ il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għandu responsabbiltà ċentrali. Il-Ministru Attard għandu responsabbiltà li ssir il-ġustizzja. Għahekk Repubblika tistenna li l-Ministru Jonathan Attard jispjega x'ġara; jara li min hu resposabbli iġorr ir-responsabbiltà ta' għemilu; jgħid il-passi li qed jieħu biex dan ma jerġax jiġri; jaħdem biex l-evidenza terġa' tinġabar.

Jekk il-Ministru Jonathan Attard ma jridx jagħmel dmiru, il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli li jneħħih. Inkella il-Prim Ministru jkun qed jassumi r-responsabbiltà ta' dan in-nuqqas gravi. Ma rridux nibqgħu f'pajjiż fejn il-kriminali jgħaffġu fuq iċ-ċittadini onesti.

B’reazzjoni għal rapporti relatati mal-esebiti tal-Qorti, il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni tenna li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati ħadet il-passi neċessarji u qed tikkoopera bis-sħiħ mal-Qorti u mal-Pulizija.

Il-Ministeru, kif diġà ħabbar il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament, fis-26 ta’ Frar ħatar ukoll bord amministrattiv biex jwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali u jagħmel l-eżaminazzjoni kollha meħtieġa.

Dan il-bord huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, bl-assistenza tas-Sur Joseph Bonello u Sur Paul Debattista bħala membri, is-Sur Valerio Schembri bħala espert u s-Sur Frank Camilleri bħala segretarju.

"Il-Bord Amministrattiv għandu terminu ta’ xahrejn, bil-possibilità ta’ estensjoni waħda ta’ xahar biex jippreżenta r-rapport, li għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom ikomplu jissaħħu l-proċeduri għaż-żamma tal-esibiti b’mod sikur u affidabbli għal sistema ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u ġusta."

Sadanittant, fl-aħħar xhur l-Aġenzija kienet diġà bdiet ix-xogħol biex itejjeb il-livell ta’ żamma tal-esebiti u fl-aħħar xhur kien hemm negozjati biex ikun introdott il-labelling tal-esebiti b’sistema ta’ RFID.

More in Socjali