Fil-maħżen tal-familja Curmi, fl-ewwel Karnival fin-nuqqas tal-Pampalun

B’tifkira lil Pawlu Curmi l-Pampalun: ‘Bniedem umli, dejjem bi tbissima fuq fommu. Jifraħ ma’ kulħadd u kulħadd ifittxu’ 

Shaun Curmi (xellug) u Paul Curmi (lemin) mal-karru li jfakkar il-memorja ta’ zijuhom Pawlu Curmi. (Ritratt: Elaine Camilleri)
Shaun Curmi (xellug) u Paul Curmi (lemin) mal-karru li jfakkar il-memorja ta’ zijuhom Pawlu Curmi. (Ritratt: Elaine Camilleri)

Ma kienx jiġi Karnival li Malta ma tkunx lesta ħa tara x’se jivvinta Pawlu Curmi l-Pampalun. Laqam li bla ma trid kien iferrħek meta tisma’ bih, iżda issa donnha tirbħek id-diqa malli tiftakar bin-nuqqas tiegħu. 

Fi triq mimlija mħażen, kollha bieżla fl-aktar ġurnata impenjattiva tagħhom, il-gazzetta ILLUM sabet lill-kumpanija tal-Karnival Buffalo and Co mmexija mill-familja Curmi. 

Jilqgħuna mal-bieb kien hemm Paul Curmi, in-neputi ta’ Pawlu l-Pampalun, u Shaun in-neputi ta’ Paul. 

Paul Curmi (xellug) u Shaun Curmi (lemin) (Ritratt: Elaine Camilleri)
Paul Curmi (xellug) u Shaun Curmi (lemin) (Ritratt: Elaine Camilleri)

Dan huwa l-ewwel karnival fin-nuqqas ta’ Pawlu, nuqqas li qed jinħass biċ-ċert, iżda mal-ewwel daqqa t’għajn fil-maħżen, l-ILLUM tara li l-memorja tiegħu qed tibqa’ ħajja u onorata kif xieraq minn familtu.  

“Kien jifraħ bix-xejn,” Paul qalilna b’għoqla fi griżmejh, “anke jara tifel jiżfen kien jifraħ.” 

“In-nuqqas tiegħu tħossu. Dan, apparti jagħmel il-Karnival, kien jiġi għandi, joqgħod idoqqli l-qanpiena biex ikellimni,” Shaun Curmi kompla. 

Qalb il-fdalijiet, ħadid, u njam, dlonk innutajna l-wiċċ familjari tal-Pampalun fuq ir-re tal-karru. 

“Meta miet iz-ziju Pawlu, għedna nagħmlu lilu. Tixraqlu,” qal Paul waqt li jispjega minn fejn ġiet l-idea tal-karru ta’ din is-sena. 

Il-karru ta' Buffalo Carnival Company. (Ritratt: Elaine Camilleri)
Il-karru ta' Buffalo Carnival Company. (Ritratt: Elaine Camilleri)

Inizjalment, l-idea kienet li jfakkru l-ħamsin sena ta’ min mindu sar l-ewwel maskot tal-Karnival, fl-1974.  

Din l-idea, eventwalment, inbidlet f’oħra ferm iktar sinifikanti għall-kumpanija.  

B’salib tal-Kavallieri mnaqqax fuq sidru u b’dak il-wiċċ daħkan li jsawwarlek qalbek, il-Pampalun iħares lejk u kważi jimbutak biex il-Karnival, għalkemm mingħajru, jibqa’ għaddej. 

“Bniedem umli u dejjem bi tbissima fuq fommu. Bniedem li jifraħ ma’ kulħadd u bniedem li kulħadd ifittxu.” 

Dan kien il-kliem li użaw biex jiddeskrivu x’tip ta’ persuna kien il-Pampalun, bniedem li jqajjem mewġa ta’ briju u jferraħ lil ħaddieħor. 

“In-nuqqas taz-ziju Pawlu affettwana. Mill-funeral tinduna kemm kien bniedem maħbub. Jien skantajt mhux li kien hemm in-nies, għax stennejthom, imma li ħerġin bit-tebut u kulħadd irid imiss it-tebut, xi ħaġa kbira. Qatt ma stennejtha. Bqajt imbellah,” qal Paul Curmi b’leħen miksur u bid-dmugħ f’għajnejh. 

Paul u Shaun minn dejjem kienu immersi fid-dinja mżewqa b’kuluri u briju, u dan grazzi għall-Pampalun.  

Huma mhux biss jippjanaw il-karrijiet tal-karnival u jmiddu jdejhom għat-tfassil, iżda anke jiżfnu.  

Fil-fatt, Shaun beda l-ewwel fiż-żfin, u bil-mod il-mod iz-ziju Pawlu ħajru anke jibda jfassal il-karrijiet.  

Min-naħa l-oħra, Paul, l-ewwel beda mill-iskola, sakemm darba meta kellu 14-il sena, zijuh kien qabdu jiżbogħ karru u minn hemm kompliet tisaħħaħ il-passjoni lejn din is-sengħa.  

Fi kliem ieħor, il-Pampalun nissel fihom l-istess passjoni u mħabba li kellu hu għal dan iż-żmien tant ferrieħi. Sengħa li qatt mhi se tintilef minn qalb familtu.  

Paul iqatta’ ġranet sħaħ sa tard billejl jaħdem fuq il-karru, jipprepara jiżbogħ u jara xi rtokki hemm bżonn isiru.  

Għal Paul, il-Karnival huwa l-gost tiegħu. Hu u Shaun jibdew jaħsbu fil-karru li jmiss qabel ma jkun għadda l-Karnival tas-sena. 

Memorji sbieħ kellhom tant, iżda waħda partikolari li tibqa’ mnaqqxa f’moħħ Shaun hija meta darba Pawlu kien ġiegħlu jiżfen f’żewġ kompetizzjonijiet waqt li kien qed jaħdem fuq tliet karrijiet.  

“Biex tlesti karru wieħed jirrikjedi ħafna xogħol u ħin, immaġina tlieta! Iżda din kienet l-hena tal-Pampalun, li jagħmel il-Karnival.”  

More in Socjali