Dr Marie Claire Gatt hi l-ewwel mara Maltija liċenzjata fil-prattika tal-bird ringing taħt l-iskema - il-BirdLife Malta Ringing Scheme - fis-47 sena mit-twaqqif tagħha.
Il-prattika xjentifika tal-bird ringing hi metodu fl-istudju ornitoloġiku fejn għasafar selvaġġi jinqabdu temporanjament u jiġu mlibbsa ċurkett ħafif tal-metall f’sieqhom b’numru uniku.
F’Malta, il-bird ringing hu mmexxi mill-BirdLife Malta u liċenzjat mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).
“Prattikanti li jkunu kisbu l-liċenzja jkunu kapaċi mhux biss jidentifikaw l-ispeċi tal-għasfur, iżda wkoll jieħdu qisien morfometriċi b’mod preċiż, u kif ukoll jiddeterminaw l-età u s-sess tal-għasfur minn rixu fi speċi fejn dan ikun possibbli.”
Fl-Ewropa, il-bird ringing xjentifiku ilu jiġi prattikat ’il fuq minn mitt sena. Din il-prattika għamlitha possibbli sabiex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar il-movimenti tal-għasafar Ewropej bejn abitat u ieħor, kif ukoll minn pajjiż għall-ieħor.
Gatt bdiet titħarreġ għal-liċenzja tal-‘bird ringing’ fl-2012 waqt li kienet qed tagħmel it-teżi tagħha dwar il-migrazzjoni tal-għasafar ġewwa l-Università ta’ Malta bl-użu ta’ data mill-Osservatorju tal-Għasafar tal-BirdLife f’Kemmuna. Hija kompliet l-istudji tagħha barra minn xtutna u ngħatat liċenzja tar-ringing fil-Portugall.
Fl-2012 Gatt kienet waħda minn tliet nisa li kienu jagħmlu parti mill-iskema Matija u dan in-numru qiegħed dejjem jikber lokalment.
Illum il-ġurnata, Gatt qed tkompli tikkontribwixxi għall-istudji ornitoloġiċi ta’ pajjiżna u flimkien ma’ kollegi oħra, qiegħda tistudja l-popolazzjoni lokali tal-Merill (Blue Rock-thrush, Monticola solitarius). “Nispera li l-preżenza tiegħi fir-riċerka f’Malta tgħin lil tfajliet u nisa jaspiraw għal karrieri fix-xjenzi naturali u l-protezzjoni tal-ambjent ta’ madwarna.”
“Dan il-fenomenu mhux uniku għal Malta; madwar l-Ewropa, minkejja li l-istudenti tax-xjenzi ambjentali huma fil-maġġor parti tagħhom nisa, in-nisa huma inqas irrappreżentati fil-bird ringing. Il-EURING, l-entità li tikkoordina l-bird ringing xjentifiku madwar l-Ewropa, inkluża l-iskema Maltija, qed tagħmel stħarriġ dwar dan is-suġġett sabiex tidentifika l-ostakli li jesperjenzaw in-nisa sabiex jidħlu fil-bird ringing u tipproponi soluzzjonijiet effettivi.”