“Bħalissa kulħadd jista’ jkun għalliem u jibda jagħti l-privat. Dan hu l-abbuż li jrid jiġi rregolarizzat” – President tal-MUT

Marco Bonnici: Il-President tal-MUT ma ddikjarax il-pożizzjoni tiegħu jekk huwiex favur jew kontra li dan is-settur jiġi rregolarizzat iżda saħaq li kull għalliem tal-privat għandu jkollu warrant, filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma wiġibx il-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta

Ma jistax ikun li kulħadd jista’ jgħallem il-privat.  

Dan kien kliem il-President tal-Union Maltija tal-Għalliema, Marco Bonnici, rigward in-nuqqas ta’ regolamenti fuq is-servizz ta’ privat edukazzjonali. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Bonnici rigward il-lezzjonijiet tal-privat li huma offruti f’Malta u Għawdex, u jekk dawn għandhomx jiġu rregolati. 

Il-President tal-MUT ma ddikjarax il-pożizzjoni tiegħu jekk huwiex favur jew kontra li dan is-settur jiġi rregolarizzat, iżda saħaq li dan is-settur fih periklu fejn persuni jistgħu jibdew joffru servizzi ta’ privat, minkejja l-kwalifiċi tagħhom. Għalhekk saħaq li “dan hu l-abbuż li jrid jiġi rregolarizzat.” 

Bonnici kompla jgħid li l-kwalità tal-privat titjieb “jekk jinqatgħu l-abbużi minn persuni li qed jagħtu l-privat minkejja li mhumiex għalliema” iżda ma kkummentax fuq il-ħsibijiet tiegħu rigward l-impatt li jħalli r-regolarizzazzjoni ta’ dan is-settur. 

Meta mistoqsi kif jaħseb li r-regolamentazzjoni tista’ taffettwa l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-lezzjonijiet privati ​​għall-istudenti u l-familji tagħhom, huwa qal li ma “jeskludix li dan jaffettwa l-aċċessibbiltà”. Dan għaliex jekk jiġi regolat dan is-settur, l-ispejjeż bla dubju jitilgħu u min attwalment se jispiċċa jkopri l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni? Din tibqa’ mistoqsija fuq fomm kulħadd.  

Finalment il-President tal-MUT qal li l-uniku prinċipju li għandu jiġi inkorporat huwa li “s-servizz ikun marbut mal-warrant tal-għalliem, kull għalliem għandu warrant biex jaħdem u għalhekk l-istess għandu jsir meta persuna tagħmel dan ix-xogħol fil-privat.” 

Apparti dan l-ispunt, il-President ma kkummentax fuq l-importanza ta’ regoli li għandhom x’jaqsmu mal-Assigurazzjoni tal-Kwalità, protezzjoni tal-konsumatur, kompetizzjoni ġusta, trasparenza u bosta oħra.  

Regolamentazzjoni tista’ twassal bidliet fis-settur fejn preżentement m’hemmx rendikont ta’ min qed jgħallem. Id-dħul tal-edukatur u dan is-settur m’għandux standards ta’ kwalità li jipprovdu rikors f’każ ta’ tilwim, rifużjonijiet, jew servizzi mhux sodisfaċenti. 

Sadanittant, il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ma wiġibx il-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta rigward il-pożizzjoni tal-Gvern fuq regolamenti f’dan is-settur u kif il-bidla ta’ regolamenti tista’ taffettwa s-servizz ta’ privat li qed jiġi offrut f’pajjiżna.

More in Socjali