Is-Sindku ta’ Ħ’Attard qal li għandu t-tama li l-ispeed camera li ġiet installata fis-Central Link, tnaqqas l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku. L-ispeed camera se jkollha veloċità massima ta’ 60km/h u tinsab fi Triq Tumas Chetcuti
Dan wara numru ta’ inċidenti li seħħew matul din it-triq, inkluż każ riċenti fejn żgħażugħa ta’ 17-il sena Kacey Sciberras, li kienet passiġiera, mietet wara li kienet involuta f’ħabta kerha.
Is-sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina qal li l-Kunsill Lokali kien ilu jilmenta mill-2021 rigward l-illegalitajiet ta’ veloċità eċċessiva u issa jinsab sodisfatt li xi ftit ġimgħat ilu wara żmien twil, fl-aħħar Transport Malta ħadet azzjoni u installat speed camera f’din it-triq.
Is-Sindku qasam it-tħassib tiegħu rigward il-veloċità massima ta’ 60 kilometru fis-siegħa li ġiet deċiża, minħabba l-fatt li t-toroq viċin din it-triq għandhom veloċitajiet massimi differenti; għalhekk jittama li sewwieqa ma’ jitfixklux, speċjalment hekk it-tabelli jkunu installati kif suppost.
Finalment is-Sindku qal li ma xtaqx li din it-triq tispiċċa b’speed camera iżda minħabba l-ammont għoli ta’ abbużi li kienu qed isiru, il-kunsill lokali flimkien mal-awtoritajiet ma kellhomx għażla oħra għajr li jwaħħlu speed camera. Huwa qal ukoll li din hija soluzzjoni temporanja u jittama li l-awtoritajiet isibu mogħdijiet differenti kif jindirizzaw din il-problema sabiex jitnaqqsu l-imwiet u l-inċidenti fuq it-toroq.