Dalgħodu ittellgħet konferenza taż-żgħażagħ fil-Parlament, fejn żgħażagħ ingħataw l-opportunità li jkollhom parteċipazzjoni attiva fil-programm kommemorattiv tat-30 Anniversarju, billi ngħataw iċ-ċans li jagħmlu diskors fejn setgħu jwasslu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet individwali tagħhom.
Imexxija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, ġew diskussi żewġ temi prinċipali; l-importanza ta’ preżenza żagħżugħa fil-Kunsilli Lokali, kif ukoll fuq kif jaraw il-futur tal-Gvern Lokali. Il-parteċipanti f’din il-konferenza kellhom bejn is-16 u l-25 sena. Huma ġew nominati fis-seduti tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, uħud miż-żgħażagħ preżenti kienu akkumpanjati mis-Sindki tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom
Il-konferenza ġiet organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mal-Parlament u l-Kumitat Organizzattiv għat-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, saħaq fuq l-importanza tal-Kunsilli Lokali u qal li dawn jassiguraw li l-poplu jkollu vuċi u sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet. “Kommessi li nindirizzaw l-isfidi li għad fadal u nkomplu nibnu Malta aktar b’saħħitha, aktar vibranti u inklussiva għar-residenti kollha tagħha,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarja Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-irwol taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Hija rrimarkat li kien dan il-Gvern li daħħal il-vot 16. Waqt id-diskors tagħha, semmiet li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda t-tieni qari fil-Parlament, dwar l-abbozz ta’ liġi għall-emendi tal-Att dwar il-Gvern Lokali li jippermetti żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena li jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u li jiksbu l-ammont rikjest ta’ voti, jassumu l-irwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti rrimarka fuq l-importanza tal-Kunsilli Lokali fil-komunità. Huwa kompla jgħid li “kieku ma kienx għall-ħidma sfieqa tal-Kunsilli, ma nkunux nistgħu nilħqu lir-residenti b’mod effiċjenti u effettiv.”
Intant, id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Natalino Attard esprima s-sodisfazzjon tiegħu li bħala parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati biex jiġi ċċelebrat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Gvern Lokali f’Malta, ingħata spazju liż-żgħażagħ li jirrappreżentaw lil-lokalitajiet tagħhom u jwasslu l-veduti tagħhom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.