Jitwalu r-rotot tal-iskejjel privati, inqas ġenituri lesti jużaw dan is-servizz

It-trasport għal studenti f’skejjel privati se jibda jopera b’inqas vannijiet li jġorru numru akbar ta’ studenti. Din tista’ twassal għal rotot itwal, li t-tfal jinġabru aktar kmieni, u li aktar ġenituri jagħżlu li jwasslu lit-tfal tagħhom huma stess

Numru ta’ vannijiet żgħar li qabel kienu jwasslu numru ta’ student se jitwaqqfu, u minflok se joperaw numru iżgħar ta’ vannijiet li fihom joqgħodu numru akbar ta’ studenti. Meta mistoqsi, il-Ministeru naqas milli jivverifika jekk dan hux minnu jew le. Sors fl-industrija li tkellem mal-gazzetta ILLUM spjega kif it-trasport li qed ikun provut lill-istudenti ta’ skejjel privati, li huwa finanzjat mill-Gvern, se jinbidel.  

Skont informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, in-nefqa totali tal-Gvern annwali fuq trasport b’xejn għal studenti fi skejjel privati tammonta għal €30 miljun. Dan huwa apparti l-€14-il miljun oħra li jintnefqu fuq trasport għal studenti fi skejjel tal-Gvern. Il-figura totali, madwar €44 miljun, hija kważi tliet darbiet aktar minn dak kien imbassar meta bdiet l-iskema lura fl-2018, fejn kien stmat li l-ispiża annwali se tkun dik ta’ €18-il mijun. 

Meta wieħed jordna vann akbar li jġorr aktar persuni, dan jiġi irħas milli kieku wieħed jordna żewġ vannijiet iżgħar. B’hekk, staqsejna lill-Ministeru jekk din kinitx miżura fiskali; miżura sabiex ikun issukkat iċ-ċintorin f’proġett li qed jiswa kemmxejn aktar milli kien maħsub fil-konċepiment tiegħu. Il-Ministeru naqas milli jirrispondi. 

Kawża ta’ din il-bidla, hemm biżgħat li se jitwalu r-rotot li se jieħdu dawn il-vannijiet. Ta’ min jinnota li fejn jidħlu skejjel privati, l-istudenti jinġabru minn irħula differenti, u mhux f’masses kbar minn ċentri tal-lokalitajiet, hekk kif isir fil-każ ta’ skejjel tal-Gvern. Dan għaliex f’kull skola privata jattendu studenti minn varjetà kbira ta’ lokalitajiet, għall-kuntrarju ta’ skejjel tal-Gvern, fejn il-maġġorparti tal-istudenti ikunu ġejjin minn madwar erba’ rħula li jkunu viċin l-iskola u viċin xulxin. 

B’hekk, staqsejna lill-Ministeru jekk ikkunsidrax il-fatt li rotot li diġa huma twal se jitwalu aktar, li se tkun il-kaġun ta’ li studenti jkollhom iqumu aktar kmieni minħabba l-ħin li jgħaddi t-trasport. Din hi ħaġa li diġa ilhom igergru fuqha diversi studenti u ġenituri tul dawn l-aħħar snin, u hija evidenti li din se tiggrava jekk ir-rotot jitwalu. Il-Ministeru ma vverifikax jekk ir-rotot hux se jitwalu jew le, u lanqas ma kkummenta fuq jekk dan il-fattur tahx kunsiderazzjoni. 

Finalment, staqsejna lill-Ministeru jekk ikkunsidrax li jekk jitwalu r-rotot, jista’ jkun il-każ li aktar ġenituri jiddeċiedu li se jwasslu lil uliedhom l-iskola huma stess, sabiex ma jkollhomx għalfejn iqumu daqshekk kmieni. Il-fatt li l-istudenti jkollhom iqumu aktar kmieni ovjament taffettwa lill-ġenituri wkoll, li jkollhom iqumu aktar kmieni minnhom jekk dawn ikunu iridu jipreparawlhom l-affarijiet, iqajjmuhom u jgħinuhom ilestu. Jekk dan ikun il-każ, dan se jkompli jżid fuq il-piż kbir li diġa jkun hemm fuq l-infrastruttura tat-toroq fil-ħin tal-iskejjel. Għal darb’oħra, il-Ministeru naqas milli jikkummenta.  

More in Socjali