
Jonqos is-serq f’Malta
Il-gazzetta Illum tħares lejn n-numri ta’każijiet ta’ kriminalita’ matul is-snin f’Malta u Għawdex

minn Sean Fenech

Jidher illi, skont statistika provduta fil-Parlament qed jiżdiedu l-każijiet ta’ frodi, vjolenza domestika, u reati oħrajn imwettqin fuq l-anzjani waqt li fl-istess ħin qed jonqsu ċerti reati “tradizzjonali”, bħas-serq, fuq din l-istess faxxa ta’ persuni.
Din ħarġet minn mistoqsija parlamentari magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo lill-istess Ministru, fejn Bartolo staqsa biex Camilleri jagħti ċ-ċifri ta’ kemm ġew irrappurtati delitti li twettqu fuq anzjani mill-2015 sal-ġurnata li l-Ministru jwieġeb.
Il-Ministru Camilleri pprovda l-figura f’forma ta’ tabella li turi ċerti xejriet interessanti fejn jidħlu dawn ir-reati. Fil-fatt, nistgħu ninnutaw li ċerti reati qed jonqsu, oħrajn qed jiżdiedu, u oħrajn baqgħu bejn wieħed u ieħor stabbli tul is-snin.
F’dil-istorja, din il-gazzetta ħa tirrapporta dwar dawk ir-reati li kellhom l-iktar xejriet notevoli, jiġifieri, jew li żdiedu, jew li naqsu ħafna tul is-snin, jew inkella li kien hemm rata stabbli tul is-snin ta’ numru sinifikanti ta’ rapporti.
Ta’ min jgħid ukoll qabel ma nħarsu lejn l-informazzjoni pprovduta illi, skont il-Ministru, “in-numru ta’ reati ma jirriflettix fin-numru ta’ vittmi peress li rapport wieħed jista’ jinvolvi aktar minn vittma waħda.”
Fi 2015 kien hem 1,093 każ ta’ serq
Jidher illi l-iktar xejra notevoli hija t-tnaqqis drastiku tas-serq tul is-snin. Fil-fatt, mill-bidu tal-informazzjoni pprovduta, jiġifieri mill-2015, il-każijiet naqsu bejn wieħed u ieħor b’nofs.
Fl-2015 kien hemm 1,093 każ ta’ serq, li dan baqa’ jitla’ sal-2017 fejn laħaq numru rekord ta’ każijiet fejn b’kollox kien hemm 1,467 każ. Iżda minn dik is-sena ’l hemm il-każijiet bdew jonqsu sew, sas-sena 2020 fejn donnhom il-każijiet laħqu livell ta’ stabbiltà.
Fil-fatt, il-każijiet fl-2020 kienu jitilgħu sa 466 każ. Fit-tliet snin ta’ wara, jiġifieri fl-2021, 2022, u 2023, in-numru ta’ każijiet baqa’ bejn wieħed u ieħor konsistenti. Fil-fatt, il-każijiet f’dawk is-snin kienu 481, 473, u 471 rispettivament.
Kien biss fl-2024 fejn din ix-xejra nkisret, hekk kif f’dik is-sena kien hemm 570 każ ta’ serq.
Offiżi fuq l-azjani
Il-każijiet tal-offiżi attentati fuq l-anzjani tul is-snin irrappurtati għandhom forma ta’ mewġa: mill-2015 sal-2018, il-każijiet bdew tilgħin. Iżda mill-2019 sal-2023 dawn bdew neżlin sa ma fl-aħħar fl-2024 reġgħu telgħu għal rata simili tal-2015.
Fl-2015, kien hemm irrappurtati 64 każ ta’ offiżi attentati — dawn telgħu għal 91 fl-2016. Il-każijiet laħqu l-quċċata tagħhom fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2017, fejn b’kollox ġew irrappurtati 138 każ.
Dawn niżlu għal 112-il każ fl-2018 biex imbagħad reġgħu niżlu għal 97 każ fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2019. Il-każijiet komplew jinżlu fis-snin ta’ wara, fejn fl-2020 ġew irrappurtati 54 każ; fl-2021 u fl-2022 kien hemm 49 każ; waqt li fl-2023 kien hemm 48 każ.
Iżda fl-2024 kien hemm żieda sostanzjali hekk kif il-każijiet reġgħu telgħu għal 69 każ, biex nerġgħu kważi lura għall-istess numru ta’ każijiet li kienu rrappurtati fl-2015.
Offiża fuq il-persuna
Fejn jidħol ir-reat tal-offiża fuq il-persuna, jiġifieri meta persuna tiġi assaltata u tindarab, ir-rata ta’ reati baqgħet pjuttost stabbli tul is-snin irrappurtati, b’naqra ċaqliq biss.
Dan għaliex in-numru ta’ każijiet irrappurtati naqas f’ċerti snin biex imbagħad reġa’ tela’ fi snin oħrajn.
Fl-2015 kien hemm 62 każ li mbagħad naqsu għal 58 fl-2016. Dan-numru reġa’ naqas fl-2017 għal 43 każ biex imbagħad reġa’ lura għal kważi l-istess rata fl-2018, fejn ġew irrappurtati 65 każ.
Fis-snin ta’ wara dawn bdew jonqsu bil-mod, fejn fl-2019 kien hemm 62 każ, li mbagħad komplew jonqsu għal 45 każ fl-2020 — abbli minħabba l-COVID.
Il-każijiet baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess fis-snin ta’ wara, fejn kien hemm 49 każ fl-2021 u 46 każ fl-2022. Iżda r-rapporti bdew tilgħin bil-mod il-mod hekk kif fl-2023 ġew irrappurtati 54 każ u fl-2024 kien hemm 61 każ.
Użu mhux dovut tal-kompjuter
L-użu mhux dovut tal-kompjuter huwa reat li għal ħafna mis-snin irrappurtati ma tantx kien hemm każijiet, ħlief fl-2023 fejn il-każijiet splodew u żdiedu b’iktar minn erba’ darbiet.
Dan huwa reat kumpless għax jinvolvi ħafna affarijiet, bħal li tostakola lil xi ħadd milli juża xi programm tal-kompjuter jew li tiżvela l-password jew kodiċi li jintużaw biex taċċessa xi ħaġa sigura. Iżda huwa essenzjalment meta tagħmel xi forma ta’ tibdil fuq kompjuter mingħajr permess.
Tul is-snin, in-numru ta’ każijiet baqgħu relattivament baxxi, fejn l-ewwel sentejn, jiġifieri l-2015 u l-2016, kien hemm 17 u 19-il każ irrappurtati rispettivament.
Dawn naqsu għal seba’ każijiet fl-2017, u mbagħad baqgħu l-istess fis-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2018 u fl-2019, fejn kien hemm total ta’ 11-il każ. Fl-2020, is-sena tal-COVID, kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-każijiet hekk kif erba’ biss ġew irrappurtati.
Dawn imbagħad żdiedu sew fis-snin ta’ wara, hekk kif fl-2021 kien hemm 19-il każ u 21 każ fl-2022. Il-każijiet imbagħad kibru b’iktar minn erba’ darbiet fl-2023 hekk kif kien hemm 89 każ irrappurtati.
Imbagħad fl-2024 reġa’ kien hemm tnaqqis għal 38 każ.
Ħsara lill-anzjani
Fejn tidħol il-ħsara mwettqa lill-anzjani, dan huwa wkoll reat ieħor li baqa’ bejn wieħed u ieħor stabbli tul is-snin, ħlief li għal xi snin fejn naqas biex imbagħad reġa’ żdied fis-sena ta’ wara.
Fl-ewwel sena mit-tabella, jiġifieri fl-2015, kien hemm 359 każ li dawn telgħu b’għaxar każijiet għax 369 każ fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2016, biex jilħqu n-numru rekord skont it-tabella pprovduta.
Il-każijiet naqsu kemxejn is-sena ta’ wara, hekk kif fl-2017 kien hemm 338 każ iżda dawn reġgħu telgħu fl-2018 għal 353 każ. Fl-2019 kien hemm għal darb’oħra tnaqqis ċkejken hekk kif kienu rrappurtati 334 każ.
Dawn imbagħad naqsu sew fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2020, meta kienu rrappurtati 273 każ. Dan abbli huwa riżultat tal-fatt li l-2020 kienet is-sena tal-COVID.
Fil-fatt, fl-2021 kien hemm żieda sinifikanti hekk kif il-każijiet telgħu għal 346. Dawn reġgħu naqsu fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, għal 300 każ, biex imbagħad reġgħu żdiedu fl-2023 għal 339 każ.
Fl-aħħar, fl-2024 ġew irrappurtati 316-il każ, jiġifieri l-każijiet baqgħu bejn wieħed u ieħor fl-istess ilma.
Vjolenza domestika
Rigward il-vjolenza domestika fuq l-anzjani, dawn huwa reat li beda jikber bil-mod il-mod tul is-snin, xi ħaġa li hija konsistenti mal-bqija tal-każijiet ta’ vjolenza domestika, bħal kif rajna kemm-il darba f’dil-gazzetta.
Fil-fatt, jekk inħarsu lejn il-figuri mogħtija, naraw li minn 55 każ fl-2015 dawn telgħu għal 211-il każ fl-2023, in-numru ta’ każijiet rekord mit-tabella mogħtija.
Fl-2016 il-każijiet diġà bdew tilgħin bil-mod hekk kif laħqu 71 każ. Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2017, kien hemm 85 każ li telgħu bi ftit fl-2018 għal 87 każ.
Dawn komplew tilgħin sew fis-snin ta’ wara, hekk kif fl-2019 kien hemm 107 każijiet; fl-2020 kien hemm 127 każ; u fl-2021 kien hemm 161 każ. Dawn naqsu ftit fl-2022 hekk kif kien hemm 139 każ irrappurtat.
Il-każijiet laħqu l-quċċata tagħhom fl-2023, bħal kif rajna, meta ġew irrappurtati 211-il każ. Iżda fl-2024 dawn naqsu għal 159 każ.
Frodi f’2023 rekord
Ir-reat tal-frodi jirrappreżenta reat ieħor li sploda matul is-snin irrappurtati, fejn minn 48 każ irrappurtati fl-2015, dawn telgħu għal rekord ta’ 297 każ fl-2023.
Fl-2016 il-każijiet diġà bdew tilgħin u fil-fatt ġew irrappurtati 68 każ. Dawn naqsu ftit fl-2017 għal 59 każ biex imbagħad reġgħu telgħu fis-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2018 u l-2019, għal 74 każ u 89 każ rispettivament.
Fl-2020 il-każijiet ikkalmaw kemxejn il-għaliex kien hemm 76 każ irrappurtat. Iżda s-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, il-każijiet kważi ttriplaw hekk kif ġew irrappurtati 213-il każ.
Dawn naqsu ftit fl-2022 għal 161 każ biex imbagħad reġgħu kibru bi kważi d-doppju fl-2023 għal 297 każ — iċ-ċifra rekord fejn jidħlu frodi. Fl-aħħar sena, jiġifieri fl-2024, kien hemm 285 każ, jiġifieri tnaqqis ċkejken mis-sena ta’ qabel.
Delitt ta’ pretensjonijiet
Fejn jidħlu l-pretensjonijiet, li huwa d-delitt ta’ meta xi ħadd “jeżerċita jedd li jippretendi li għandu” u b’hekk iġiegħel lil xi ħadd iħallas xi dejn, ifixklu fil-pussess ta’ ħwejġu, eċċ., dan huwa reat li għall-ewwel ma kien hemm l-ebda każijiet irrappurtati biex imbagħad mill-ewwel bdew tilgħin fis-snin ta’ wara.
Fil-fatt, fl-ewwel sentejn, jiġifieri fl-2015 u fl-2016, ma kien l-ebda każ irrappurtat. Fl-2017 dawn telgħu għal 17-il każ u minn hemm ’il quddiem dawn baqgħu tilgħin.
Fl-2018 kien hemm 29 każ; fl-2019 kien hemm 34 każ; u fl-2020 kien hemm 26 każ. Fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2021, il-każijiet irduppjaw u telgħu għal 60. Naqsu ftit fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022, għal 45 każ biex imbagħad reġgħu telgħu għal 65 każ fl-2023.
Il-figuri pprovduti juri li s-sena l-oħra, jiġifieri l-2024, il-każijiet ta’ pretensjonijiet laħqu numru rekord il-għaliex ġew irrappurtati 78 każ.
Ħruq kriminali
Fejn jidħol il-ħruq kriminali, dak li bl-Ingliż jissejjaħ arson, dan huwa reat li laħaq il-quċċata tiegħu fin-nofs tas-snin irrappurtati biex imbagħad il-każijiet naqsu ħafna.
Fil-bidu tal-informazzjoni pprovduta, kien hemm 11-il każ irrappurtati fl-2015. Dawn telgħu għal 16-il każ fl-2016 u n-numru ta’ każijiet baqgħu tilgħin sena wara sena sakemm laħqu l-apiċi tagħhom fl-2019.
Fil-fatt, kien hemm 22 każ irrappurtati fl-2017, 25 każ fl-2018, u 34 każ fl-2019. Dawn imbagħad naqsu f’salt fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2020, għal 11-il każ.
Minn hemm ’il quddiem il-każijiet ta’ ħruq kriminali donnhom baqgħu baxxi għalkollox hekk kif fis-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2021 u fl-2022, kien hemm erba’ każijiet biss irrappurtati.
Fl-2023 il-każijiet telgħu għal tmienja biex imbagħad reġgħu niżlu għal ħamsa fl-2024.
Theddid u vjolenza privata
Fl-aħħar, it-theddid u l-vjolenza privata bdew tilgħin ukoll skont iċ-ċifri mogħtija mill-Ministru. Fil-fatt, minn 17-il każ li ġew irrappurtati fl-ewwel sena, jiġifieri fl-2015, dawn telgħu għal 31 każ fl-2024.
Fl-2016 u fl-2017, il-każijiet irrappurtati ammontaw għal 15 u 13-il każ rispettivament. Dawn telgħu għal 22 każ fl-2018 u mbagħad naqsu bi ftit għas-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2019 u fl-2020, fejn kien hemm irrappurtati 19-il każ fis-sentejn li huma.
Iżda fl-2021 il-każijiet reġgħu telgħu u ammontaw għal 30 każ. Dawn naqsu bi ftit fis-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2022 u fl-2023, fejn fis-sentejn li huma ġew irrapportati 26 każ.
Fl-aħħar sena, fl-informazzjoni pprovduta, il-każijiet laħqu l-quċċata tagħhom hekk kif b’kollox ġew irrappurtati 31 każ.
.png)
