Sodod fuq xulxin u kamra tal-banju maqsuma bejn sebgħa: Fejn qed jgħixu l-ħaddiema barranin?

Hekk kif il-maġġoranza tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna huma fost l-inqas persuni mħallsa għal xogħolhom, b’parti kbira minnhom ma jarawx paga ta’ €20,000 fis-sena, ta’ min jistaqsi l-mistoqsija: fejn qed jgħixu b’paga bħal din? L-akkomodazzjoni għal dawn il-ħaddiema tidher li hija waħda li tirrifletti l-prezz baxx li jħallsu għal saqaf fuq rashom, hekk kif il-kundizzjonijiet tal-għixien fir-residenzi tagħhom huma kkaratterizzati minn kmamar mimlija nies u kmamar tal-banju maqsuma minn ħafna nies

Fuq il-midja soċjali wieħed faċilment jista’ jsib numru ta’ sodod u kmamar għall-kiri li jvarjaw bejn prezzijiet ta’ madwar €150 u €400 fix-xahar, li jixhdu l-kundizzjonijiet tal-għixien miżeri li jgħixu fihom ħaddiema barranin f’pajjiżna. Fil-fatt, investigazzjoni li għamlet din il-gazzetta turi li uħud minn dawn il-kmamar żgħar qed ikunu maqsuma bejn numru ta’ persuni, li fl-istess waqt diġà jkunu qed jaqsmu dar ma’ aktar nies li jkunu qed jgħixu fi kmamar oħra.

Minkejja l-kundizzjonijiet tal-biża’ li jgħixu fihom ir-residenti, anke kif jixhdu r-ritratti li jintużaw biex jirreklamaw dawn il-postijiet, ta’ min jinnota li l-ħaddiema barranin xorta waħda jfittxu li jgħixu fihom. Dan hekk kif il-persuni li jagħmlu użu minn dawn it-tip ta’ residenti huma fost l-inqas ħaddiema mħallsin f’pajjiżna, u minħabba li dawn jeħtieġu indirizz u xogħol fiss biex jibqgħu f’Malta, wieħed faċilment jista’ jabbuża minnhom, hekk kif m’għandhom ebda għażla oħra.

Fil-fatt, informazzjoni li nħarġet mill-Parlament f’Jannar ta’ din is-sena, turi li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna jitħallsu inqas minn €20,000 fis-sena. Dan hekk kif fl-2021, minn 37,688 ħaddiema barranin f’Malta, aktar minn 21,000 minnhom kellhom paga li ma taqbiżx €15,000 fis-sena.

Il-maġġoranza ta’ persuni li jagħmlu użu minn dawn il-kmamar ġejjin minn pajjiżi Ażjatiċi, b’emfasi fuq ħaddiema Indjani u dawk min-Nepal, b’ħafna minnhom jagħżlu li jaħdmu f’Malta biex isostnu lill-familji tagħhom. Fil-fatt, l-ILLUM kienet f’kuntatt ma’ raġel min-Nepal li jixtieq jgħix u jaħdem f’pajjiżna. Huwa qal lil din il-gazzetta li huwa ġej minn familja kbira, u missieru huwa anzjan, għalhekk, kull min jista’ jaħdem jagħti minn li għandu biex jgħajjex lill-familja kollha. Realtà ta’ ħafna barranin li jaħdmu sigħat twal f’kundizzjonijiet mhux xierqa għall-pagi miżeri, li jieħdu fl-aħħar tax-xahar.

Għal dawn it-tip ta’ ħaddiema, pajjiżna huwa attraenti ferm minħabba l-ammont ta’ ħaddiema li hawn bżonn f’pajjiżna, speċjalment f’setturi fejn hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani fosthom fl-industrija tal-ikel, fl-akkomodazzjoni, f’tas-saħħa u fil-kostruzzjoni, fost oħrajn. Minħabba f’hekk, in-negozji jħarsu ‘il barra minn xtutna għall-impjegati prospettivi tagħhom.

Dan kollu wassal għal sitwazzjoni fejn f’10 snin, il-popolazzjoni żdiedet b’100,000, u saħansitra trid tkompli tikber sakemm tlaħħaq it-800,000 ruħ sal-2040, biex tkompli għaddejja bl-istess rata li għaddejja bħalissa. Dawn l-estimi huma ta’ tħassib għall-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, hekk kif dan in-numru joħloq pressjonijiet kbar fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna.

Iżda x’inhuma l-konsegwenzi ta’ din l-ekonomija fuq il-ħaddiema barranin li jixtiequ jaqilgħu għajxien għal familthom? Stejjer ta’ ħaddiema li qasmu d-dinja biex jaħdmu f’Malta, li mbagħad jindunaw li ġew migduma u b’hekk jitilfu ammont ta’ flus sostanzjali m’humiex rari f’pajjiżna. Dan b’mod speċjali meta jkun hemm aġenziji tar-reklutaġġ barranin li jitolbu somom kbar lil persuni biex jiġu jaħdmu f’pajjiżna.

Apparti dan, il-kundizzjonijiet ta’ numru ta’ residenzi fejn jgħixu dawn il-ħaddiema jidru miżgħuda b’abbuż f’ċertu każijiet, hekk kif numru ta’ persuni jitħallew jorqdu u jgħixu f’residenza waħda.

Il-Marsa

Fil-fatt, karatteristika komuni bejn numru ta’ residenzi għall-ħaddiema barranin hija l-użu tal-bunk beds, hekk kif m’hijiex fenomenu rari li wieħed jara sitt persuni rieqdin fl-istess kamra. Fuq Facebook, din ir-residenza ġiet riklamata bħala post fejn huwa faċli biex tipparkja u s-sid saħansitra jirriklama wkoll ‘lockers’ privati sabiex dawk li jgħixu fir-residenza jkollhom post fejn iżommu l-affarjiet personali tagħhom.

Ta’ min jinnota li minn ritratt li ġie użat biex jirriklama din ir-residenza juri dawn il-lockers fil-kmamar tas-sodda, li mir-ritratt jidher li hija maqsuma bejn sitt min-nies. Apparti dan, l-istess residenza turi wkoll kċina żgħira li tagħti għall-kamra tal-banju. Biex wieħed jgħix f’din il-proprjetà, irid iħallas €250 fix-xahar, bil-kontijiet inklużi.

Marsaskala 

Għal darb’oħra il-bunk beds qed jintużaw ukoll f’din id-dar f’Wied il-Għajn, fejn skont numru ta’ ritratti fuq Facebook juru li d-dar kellha l-kmamar konvertiti sabiex ikunu jistgħu jakkomodaw aktar nies f’kull kamra. Din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-persuna li kien qed jirriklama s-sodod għall-kirja, fejn stqarret li bħalissa hemm sitt persuni jgħixu fiha diġà, iżda xorta hemm spazju biżżejjed għal aktar.

Hekk kif l-ILLUM ċemplet bħala ħaddiem minn grupp ta’ tlieta li qed ifittxu l-akkomodazzjoni, il-persuna wara r-riklam aċċertat lil din il-gazzetta li fadal aktar spazju u tliet persuni oħra jistgħu jgħixu fid-dar mingħajr problema. Fuq Facebook, persuni interessati li jgħixu f’din id-dar ta’ tliet sulari qed jintalbu jħallsu €250 fix-xahar u jekk il-persuni li diġà jgħixu hemm iħallsu l-istess kirja, is-sid tad-dar qed idaħħal mal-€1,500 fix-xahar u xorta kapaċi jdaħħal mill-inqas €3,000 jekk jidħlu jgħixu aktar nies.

Tas-Sliema

Għal €300 fix-xahar, wieħed jista’ jikri wkoll sodda f’residenza f’Ta’ Sliema, f’residenza li skont ir-ritratti tagħha li ttellgħu fuq Facebook, tidher li qiegħda fi stat xejn pjaċevoli. Hawn, skont min tella’ r-ritratti, jistgħu jorqdu seba’ persuni f’sodod żgħar, u l-kontijiet huma inkludi fil-prezz tal-kirja.

Madankollu, mir-ritratti wieħed jista’ jinnota l-istat diżastruż tal-kċina tal-istess residenza, hekk kif fiha ‘fridge’ antika u żebgħa qed jinqala’ minn mal-ħajt. Ritratt ieħor juri ‘shower’ żgħir u maħmuġ u ta’ min isemmi wkoll il-bitħa żgħira bi ftit siġġijiet fiha f’dik l-imsejjħa ‘smoking area’ skont kitba fuq ħajt li wkoll jidher li għandu bżonn il-manutenzjoni.

Il-Ħamrun 

Din ir-residenza, skont ir-ritratti jidher li tista’ tospita mill-inqas 10 persuni fiha għal €220 kull xahar. Il-persuna li rriklamat din ir-residenza stqarret li tinsab fiċ-ċentru tal-Ħamrun, viċin stage ta’ Tal-linja. L-ewwel karatteristika ta’ din ir-residenza li tolqot l-għajn hija n-numru kbar ta’ sodod viċin xulxin.

Iżda apparti dan, wieħed irid jikkunsidra wkoll li b’miżerjament għaxar persuni jgħixu f’din id-dar, sid ir-residenza tagħti x’tifhem li teżisti biss kamra tal-banju waħda u kċina waħda.

More in Socjali