L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jara aktar minn 700,000 fix-xahar ta' Mejju biss

L-Italja tibqa' l-aktar suq importanti għall-pajjiżna, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja

Mejju kien it-tieni xahar konsekuttiv li matulu għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aktar minn 700,000 passiġġier. Fil-fatt, f’Mejju l-ajruport laqa’ 726,299 passiġġier, jiġifieri żieda ta’ 7.7% fit-traffiku meta mqabbel mal-istess xahar tal-2019.

Filwaqt li l-ammont ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied b’4.3% meta mqabbel mal-2019, il-medja tas-seat load factor (SLF) rat titjib ta’ 2.7 punti perċentwali meta mqabbla mal-istess sena, biex f’Mejju laħqet it-82.9%.

F’Mejju, l-Italja żammet postha bħala l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif kienet responsabbli għal 24% tat-traffiku tal-passiġġieri, segwita mir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u Spanja.

L-Italja, Franza u Spanja rreġistraw żieda fit-traffiku tal-passiġġieri fuq ir-riżultati miksuba fl-2019. Fil-każ tal-Italja u Franza, iż-żieda kienet riżultat ta’ żieda fit-titjiriet minn u lejn dawn id-destinazzjonijiet, filwaqt li l-popolarità tas-suq Spanjol kienet frott żieda fis-seat load factors.

Mill-banda l-oħra, it-traffiku tal-passiġġieri mir-Renju Unit u l-Ġermanja baqa’ inqas mil-livelli miksuba fl-2019 hekk kif il-konnessjonijiet bl-ajru bejn Malta u dawn iż-żewġt iswieq baqgħu ma ġewx irkuprati b’mod sħiħ.

Minkejja rkupru aktar kajman, mill-ħamest iswieq l-aktar popolari, il-Ġermanja rreġistrat l-akbar titjib fis-seat load factor meta kkumparat ma’ Mejju 2019. Apparti minn hekk, il-bidu ta’ titjiriet lejn Hamburg u Dusseldorf f’Mejju, operati minn Eurowings, mistenni jkompli jgħin l-irkupru ta’ dan is-suq fix-xhur tas-sajf.

More in Socjali