Persuna minn kull ħamsa f’Malta tpejjep; X’għandu jsir biex it-tipjip jonqos?

Skont studji, it-tipjip jagħmel ħsara kbira fis-saħħa ta’ min ipejjep u anke n-nies ta’ madwarhom, kif ukoll iwassal għall-bżonn li jintefqu aktar fondi f’kura medika għall-individwi li jpejjpu. L-ILLUM tkellmet maċ-Chairperson tal-Malta Health Network, li spjegat id-direzzjoni li Malta għandha tmur biex jonqos it-tipjip fost il-Malti

F’pajjiżna, 19.8% ta’ persuni li għandhom 15-il sena jew aktar ipejjpu t-tabakk kuljum, li jfisser li Malta tinsab viċin ferm tar-rata medja Ewropea f’dan ir-rigward. Dan ħareġ fi stħarriġ mill-Eurostat, li juri t-tendenzi tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea dwar l-użu tat-tabakk f’kull pajjiż.

Hawn ġie nnutat li filwaqt li 16.8% tan-nisa Maltin ipejjpu kuljum, ir-rata tal-irġiel hija ta’ 21.9%, li jfisser li bħall-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, l-irġiel huma aktar probabbli li jpejpu kuljum.

L-istħarriġ tal-Eurostat iħares ukoll lejn l-użu ta’ ‘vapes’ u ‘e-cigarettes’, li huma meqjusa minn numru ta’ nies li jagħmlu inqas ħsara mis-sigaretti. Minkejja dan, l-istudji juru li mhux possibbli li jiġi determinat jekk dawn jagħmlux inqas ħsara mis-sigaretti, u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) saħqet li dawn jagħmlu użu minn sustanzi li jagħmlu l-ħsara lis-saħħa.

Mill-Maltin, 1.1% biss jagħmlu użu minn dawn l-alternattivi għas-sigaretti kuljum. 

Fid-dawl ta’ dawn l-istatistiċi, din il-gazzetta tkellmet ma’ Gertrude Buttigieg, iċ-Chairperson tal-Malta Health Network, li nnutat li r-rata ta’ persuni li jpejjpu kuljum f’pajjizna baqgħet stabbli tul is-snin. 

Minkejja dan, Buttigieg stqarret li filwaqt li huwa tajjeb li l-ammont ta’ persuni li jpejjpu mhux jiżdied, hija tixtieq tara tnaqqis ta’ din ir-rata, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-informazzjoni magħrufa minn kulħadd dwar il-ħsara li jagħmlu s-sigaretti.

Hija spjegat li bħala parti mill-ħidma tal-Malta Health Network, l-awtoritajiet għandhom iħarsu aktar lejn il-ħidma sabiex żgħażagħ lanqas biss ikunu mħajjra jibdew ipejjpu, filwaqt li tkompli tingħata l-għajnuna sabiex persuni li jpejjpu jwaqqfu dan il-vizzju. 

Buttigieg għamlet referenza għal dak li qed isir fl-Iskozja, fejn permezz ta’ diversi miżuri u inizjattivi, il-Mira tal-Iskoċċiżi hija li jittellgħu ġenerazzjonijiet sħaħ li ma jpejpux, u maż-żmien it-tipjip ma jibqax aċċettat soċjalment daqs kemm hu aċċettat bħalissa. Bl-istess mod, hija spjegat li Malta għandha timmira li tmur fl-istess direzzjoni.

Innutat li jekk wieħed ibiddel biss il-liġijiet, xorta waħda se jkun hemm min jibda’ jpejjep, u għalhekk l-emfasi għandha tkun l-edukazzjoni li twassal għat-tibdil fil-kultura, li fl-aħħar mill-aħħar għandha aktar impatt fuq dak li huwa aċċettat mis-soċjetà. Eżempju ta’ dan kien fis-snin 70 u tmenin, fejn bosta karattri fuq serje televiżivi u films kienu kkunsidrati ‘cool’ għax ipejjpu. 

Gertrude Buttigieg tisħaq li bħalma t-televiżjoni għamlet it-tipjip aċċettabbli ħafna f’għajnejn is-soċjetà, l-edukazjoni u l-kampanji jistgħu ikollhom l-effett oppost, u b’hekk wieħed lanqas qatt ma jikkunsidra li jibda’ jpejjep.

Hawn ġew spjegati l-benefiċċji għas-soċjetà kollha meta t-tipjip jonqos. Fost l-oħrajn, Buttigieg kwotat studju mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li turi kif it-tabakk joqtol mat-8,000,000 persuna fis-sena madwar id-dinja, iżda b’mod xokkanti, madwar 1,200,000 persuna minnhom lanqas biss ipejjpu, iżda jkunu viċin nies li jkunu qed ipejjpu.

Apparti minn hekk, hija nnutat li persuna li tpejjep, u maż-żmien tbagħti minn mard kroniku bħal ‘Chronic Obstructive Pulmonary Disease’ ikollhom bżonn trattament mediku estensiv tul ħajjithom, li jammonta għal nefqa ta’ bejn €500 u €5,000 f’kura. Għalhekk, spjegat Buttigieg, inqas ma jkun hemm nies li jpejjpu, l-Istat jista’ jonfoq aktar flus fuq trattament ta’ mard ieħor li huwa inqas evitabbli minn dawk ikkawżati mit-tipjip.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, huwa evidenti li meta wieħed ipejjep, ma jkunx qed jagħmel ħsara lis-saħħa tiegħu biss, iżda anke ħsara fis-saħħa ta’ dawk ta’ madwaru, u għalhekk, ikun ta’ benefiċċju għall-individwu u anke għas-soċjetà li jieqaf ipejjep minnufih.

More in Socjali