69% żieda fil-parteċipazzjoni tal-mara fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar deċenju

Ċifri ippubblikati wara mistoqsija Parlamentari juru żieda sinifikanti ta’ nisa li jagħżlu li jibdew jaħdmu, b’mod speċjali n-nisa ta’ bejn il-31 u l-40 sena. Il-gazzetta ILLUM liċ-Chairman taċ-Chairman ta’ Malta Women’s Lobby Dott Anna Borg u staqsiet aktar dwar ir-raġunjiet wara din iż-żieda 

Fi żmien 10 snin, jiġifieri bejn l-2012 u l-2022, id-dinja tax-xogħol rat żieda ta’ 69% f’impjegati nisa, ammont sostanzjali meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Kienu b’kollox 49,852 mara ġdida li fl-aħħar deċenju daħlet fis-suq tax-xogħol.  

Dan irriżulta minn ċifri ppubblikati wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal, Graziella Attard Previ lill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana. 

F’dawn l-istess ċifri ngħatat ħarsa wkoll lejn l-età tan-nisa li bdew jaħdmu fl-aħħar deċenju. Fost l-oħrajn, ġew innutati żidiet sinifikanti fl-ammont ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol li għandhom bejn 31 u 40 sena u dawk ta’ bejn 41 u 50 sena, fejn in-nisa ta’ dawn l-etajiet fil-post tax-xogħol żdiedu kważi bid-doppju. 

Dan il-progress sinifikanti kien ġie nnutat ukoll mill-Unjoni Ewropea (UE). Meta Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropea fl-2004, kienu biss 34.5% tan-nisa li jaħdmu f’Malta, liema rata telgħet għal 47% fl-2013 u 64% fl-2018. Sentejn wara, fl-2020, Malta qabżet il-medja Ewropea tar-rata ta’ nisa li jaħdmu, sakemm kompliet togħla biex qabżet ir-rata Ewropea, skont ċifri tal-Jobsplus li ħarġu aktar kmieni din is-sena. 

Fil-fatt, ir-rapport tal-Jobsplus kien semma numru ta’ miżuri li ħa l-Gvern matul is-snin bħala fattur ewlieni wara dawn iċ-ċifri sinifikanti, kif ukoll in-numru ta’ nisa barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna. B’mod notevoli, dan ir-rapport sostna li ċ-childcare bla ħlas kienet miżura ewlenija li għamlitha possibbli biex aktar nisa jkunu jistgħu jaħdmu.  

Fil-fatt dan is-servizz ta’ childcare tant kien effettiv li n-numru ta’ tfal li ibbenifikaw minn dan is-servizz kiber minn 5,300 fl-2016 għal 8,437 fl-2022, anke minkejja li n-numru kien naqas fl-2020 minħabba l-pandemija.  

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet maċ-Chairperson ta’ Malta Women’s Lobby  u esperta fejn tidħol l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, Dott Anna Borg. Hija għamlet referenza għall-ktieb tagħha li janalizza l-parteċipazzjoni tan-nisa f’Malta fid-dinja tax-xogħol mis-snin 60. 

Hawn hija tinnota li tul is-snin, l-omm dejjem kellha r-responsabbilità li tagħmel bidliet fil-karriera tagħha biex tieħu ħsieb lil uliedha. Għalhekk, għal numru ta’ deċenji, “Gvern wara ieħor beda jdaħħal miżuri u inċentivi li wasslu biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol”. Fost id-diversi raġunijiet wara l-fatt li aktar nisa f’Malta qed jaħdmu, b’mod speċjali wara l-2010, Borg innutat li f’bosta familji, iż-żewġ ġenituri jaħdmu biex ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja, li wasslet ukoll biex ħafna nisa jkollhom it-tfal aktar tard f’ħajjithom. 

Hawn saret referenza għall-prezzijiet fis-suq tal-proprjetà, fejn ġie nnutat li wara l-2014, id-dejn tal-familji biex jixtru l-ewwel dar tagħhom żdied b’mod sinifikanti u għalhekk, dawn il-prezzijiet setgħu kienu nfluwenti ħafna fid-deċiżjoni tan-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan, flimkien ma’ żieda fil-livell tal-edukazzjoni tan-nisa, jistgħu ikunu lkoll wara n-nuqqas fir-rata ta’ riproduzzjoni fost in-nisa f’Malta, tikteb Borg. 

Apparti minn hekk, Borg tinnota li mill-2010 daħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri immirati speċifikament sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll li mindu Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea, in-numru ta’ nisa barranin f’Malta kien fattur ewlieni ieħor wara ż-żieda fir-rata ta’ nisa li jaħdmu.

More in Socjali