Is-sigurtà fit-toroq responsabbilità ta’ kulħadd

Kull reġjun Malti ra żieda fl-ammont ta’ inċidenti, filwaqt li jekk iċ-ċifri jirrepetu ruħhom matul il-bqija tas-sena, terġa’ tinqabeż ir-rekord ta’ inċidenti tat-traffiku f’sena

“Is-sigurtá fit-toroq hija responsabbiltà ta’ kulħadd mix-xufiera man-nies mexjin u dawk kollha li jagħmlu użu mit-toroq tagħna.” Din kienet l-ewwel tweġiba tal-Ministeru għat-Trasport meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar l-azzjonijiet tal-Ministeru sabiex tiġi indirizzata dik li tidher li hija żieda fl-inċidenti tat-traffiku fl-2023.

Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, skont studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) żdiedu l-inċidenti tat-traffiku b’6.3% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, filwaqt li l-ammont ta’ nies li weġġgħu f’inċidenti ta’ traffiku żdied bi 13.3%.

Fil-fatt, bejn Jannar u Marzu tal-2023 ġew irrappurtati 3,822 inċident tat-traffiku, bil-maġġoranza tal-inċidenti jseħħu fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Port, li jinkludi l-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, l-Imsida, il-Ħamrun, San Ġwann u Ta’ Sliema fost l-oħrajn.

Fil-fatt, l-aktar lokalitá fejn seħħew inċidenti kienet ta’ Birkirkara b’271 inċident, filwaqt li Ħal Qormi u l-Mosta raw 220 u 183 inċident rispettivament. Bħala distrett, Għawdex kien l-uniku wieħed li ra tnaqqis f’inċidenti tat-triq meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra, iżda l-ħames distretti l-oħra raw żieda f’dawn l-inċidenti.

Ir-reġjun tat-Trammuntana, jiġifieri mill-Mosta sal-Mellieħa, ra’ żieda ta’ 12% fl-ammont ta’ inċidenti, li jfisser li f’dan ir-reġjun kien hemm l-akbar żieda ta’ inċidenti f’Malta kollha. Ir-Reġjun  tat-Tramuntana tal-Port ra żieda ta’ tmienja fil-mija fl-inċidenti, filwaqt li r-Reġjun tax-Xlokk kellu żieda ta’ sitta fil-mija, u r-reġjuni tal-Punent u n-Nofsinhar tal-Port kellhom żieda ta’ erbgħa u ħamsa fil-mija rispettivament.

Il-Ministeru għat-Trasport għamel referenza għal pjan ta’ azzjoni li kien tħabbar f’Diċembru tal-2022. Dan jinkludi fost oħrajn, it-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Investigazzjoni tas-Sigurtá fit-Toroq, li skont rapporti fil-midja, huwa mistenni jitwaqqaf sal-aħħar tas-sena.

Fil-pjan ukoll kien hemm iż-żieda tal-multi marbuta ma’ kontravenzjonijiet tat-traffiku, liema żidiet iddaħlu fis-seħħ din il-ġimgħa stess. Apparti minn hekk il-Ministeru qal li dan “isir minn numru t’entitajiet fosthom il-Korp tal-Pulizija, LESA u Transport Malta b’ħidma konġunta.”

Minkejja dawn il-passi, l-ammont ta’ nies li weġġgħu fl-istess perjodu telgħu għal 367. Fost dawk li weġġgħu b’mod gravi kien hemm 52 sewwieq, tmien passiġġieri u 36 persuna oħra li kienu qed jużaw rota jew jimxu. L-inċidenti fatali f’dan il-perjodu naqsu b’ħamsa, hekk kif fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena mietu erba’ irġiel, b’wieħed minnhom ikun sewwieq u tlieta kienu mixjin.

Fil-fatt, 77% ta’ dawk li weġġgħu b’mod gravi f’inċident tat-traffiku kienu rġiel, u 39.8% tan-nies kollha li weġġgħu b’mod gravi kellhom bejn 26 u 40 sena.

Il-maġġoranza tal-vetturi involuti f’inċidenti tat-traffiku kienu karozzi li ammontaw għal 53.1% tal-inċidenti, filwaqt li l-muturi kienu involuti f’34.6% tal-inċidenti. L-ammont ta’ ċiklisti involuti f’dawn l-inċidenti kienu tmienja, fejn tnejn minnhom sofrew ġrieħi gravi.

Bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, il-jum tal-Ħamis kien l-iktar jum b’inċidenti tat-traffiku u lkien ukoll l-aktar jum fejn persuni weġġgħu minħabba l-istess inċidenti, filwaqt li l-aktar perjodu ta’ ħin fejn seħħew ħabtiet fit-toroq kien bejn id-9:00am u 11:59am.

Il-gazzetta Illum staqsiet ukoll dwar indikazzjoni tar-raġunijiet wara dawn iż-żidiet allarmanti f’inċidenti tat-traffiku.

Għal din il-mistoqsija, il-Ministeru wieġeb, “Hemm numru ta’ inkjesti Maġisterjali miftuħa li għadhom ma’ ġewx konklużi u li permezz tagħhom wieħed jista jifhem x’kien il-kaġun. Hemm diversi fatturi li jwasslu għall-inċidenti tat-traffiku, u l-eżerċizzju tal-inkjesti Maġisterjali bil-konklużjonijiet tagħhom jgħinu biex wieħed jaqra l-istorja wara n-numri.”

Il-Ministeru ma jagħmel ebda referenza għal azzjonijiet li qed jitteħdu b’mod immedjat, kif hemm bżonn, hekk kif jekk il-bqija tas-sena tkun bħalma kienet l-ewwel kwart tagħha fir-rigward ta’ inċidenti tat-traffiku, l-2023 se tkun sena oħra rekord għall-inċidenti fit-toroq Maltin, li taqbeż ir-rekord li ntleħaq biss sena ilu.

More in Socjali