Mil-lum jidħlu fis-seħħ multi ġodda jekk wieħed ma jsuqx kif suppost

Irdoppjaw il-multi marbuta mal-użu tal-mobiles fil-karozza fost miżuri oħra maħsuba biex jindirizzaw in-numru tal-inċidenti tat-traffiku li qed jiżdiedu kull ma jmur

Mil-lum, daħlu fis-seħħ bidliet f’dawk li huma multi u anke fis-sistema tal-punti marbuta ma’ kontravenzjonijiet tat-traffiku.

Dan sabiex tiġi msaħħa s-sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin, hekk kif kien spjega fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia fi Frar li għadda.

Fost il-bidliet, jekk wieħed jinqabad juża l-mobile waqt is-sewqan, jingħata multa ta’ €200, li jfisser li l-multa għal din l-offiża żdiedet b’€100. L-użu tal-mobile jinkludi wkoll użu ta’ headphones jew apparat simili li jintlibes fil-widna, anke jekk il-karozza tkun wieqfa.

Jekk persuna tinqabad tagħmel l-istess offiża darbtejn, tiġi revokata l-liċenzja tas-sewqan tal-persuna għal żmien temporanju.

Il-punti marbuta mal-kontravenzjonijiet tat-traffiku żdiedu wkoll, hekk kif filwaqt li qabel, il-punti li jingħataw għal kontravenzjoni kienu minn tlieta sa sitta, issa saru minn sitta sa disa’ punti.

Fost miżuri oħra li tħabbru, kull min isuq fuq traffic lights ħomor, jew ikun qed jittrasporta oġġetti li ma jkunux maqfulin sew, jeħlu multa ta’ €200.

Żieda oħra notevoli hija li jekk wieħed ikollu iktar passiġġieri minn kemm suppost skont l-insurance li jkollu, jeħel multa ta’ €50 għal kull passiġġier żejjed.

More in Socjali