F'Malta fi tlett snin biss ħames rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol

Tlieta minnhom saru lill-Korp tal-Pulizija filwaqt li tnejn oħra saru lill-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. F’Malta hawn problema serja ta’ nuqqas ta’ rappurtaġġ ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol 

Il-biża hija waħda mir-raġunijiet prinċipali wara l-fatt li numru kbir ta’ persuni, bil-maġġoranza tagħhom ikunu nisa, ma jirrappurtawx każijiet ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.  Fi tlett snin, kien hem ħames rapport biss ta’ fastidju sesswali.

Din kienet ir-reazzjoni tal-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fid-dawl ta’ informazzjoni li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Parlament, fejn jingħad li bejn l-2018 u l-2020 kien hemm biss tliet rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

L-informazzjoni inħarġet wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-tfal lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.

Dan in-nuqqas ta’ rapportaġġ huwa evidenti wkoll fl-NCPE, hekk kif din il-kummissjoni rċeviet biss żewġ rapporti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol bejn l-2018 u l-2020. Fil-fatt, l-NCPE stqarret ma’ din il-gazzetta li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuni javviċinaw il-kummissjoni biex jitolbu informazzjoni dwar fastidju sesswali, iżda mbagħad ma jipproċedux biex jagħmlu rapporti formali.


Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta l-NCPE ikkowtat riċerka ppubblikata mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, li tgħid li madwar 75% tan-nisa li għandhom 18-il sena jew aktar esperjenzaw fastidju sesswali, filwaqt li skont riċerka oħra mill-Unjoni Ewropea, terz tan-nisa li jesperjenzaw fastidju sesswali jgħaddu minn din it-tbatija fuq il-post tax-xogħol. 

Dwar ir-raġunijiet wara n-nuqqas ta’ rapportaġġ, l-NCPE ikkowtat għal darb’ oħra riċerka li tixhed kif “il-vittmi jindirizzaw il-fastidju huma stess u wħud iqisu li l-każijiet tagħhom mhumiex serji biżżejjed biex jirrapputawhom lil xi awtorità.” Intqal ukoll li sfortunatament, hemm tendenza li l-vittmi ta’ fastidju sesswali jimminimizzaw il-gravitá tal-każijiet tagħhom stess.

Apparti minn hekk, hemm il-possibbilità li l-vittmi jibżgħu minn dawk li jkunu qed jiffastidjawhom. Fost l-oħrajn, huma jistgħu ikunu qed jibżgħu li jitilfu l-impjieg tagħhom, jidru f’dawl ikrah ma’ sħabhom u l-familja tagħhom u jkollhom anke dubji dwar il-proċeduri tal-investigazzjoni, fejn hawn, jerġgħu jgħaddu minn vittimizzazzjoni.

L-NCPE saħqet li f’każ ta’ reati bħal dawn “huwa importanti li dan jiġi rrappurtat minnufih internament fil-kumpanija stess.” Hawn ġie spjegat kif kull min iħaddem huwa obbligat sabiex jaċċerta li din id-diskriminazzjoni ma sseħx fuq il-post tax-xogħol. 

Fil-fatt, numru ta’ kumpaniji li jieħdu din il-forma ta’ diskriminazzjoni bis-serjetà għandhom proċeduri interni ta’ kif jiġi rrapportat u investigat il-fastidju sesswali. Hawn l-NCPE appellat lil min iħaddem biex idaħħal dawn il-proċeduri fis-seħħ.

Il-kummissjoni fakkret li skont il-liġi, għandha s-setgħa li tipprovdi l-assistenza u l-informazzjoni meħtieġa fil-kumpilazzjoni ta’ lment, kif ukoll li tinvestiga l-ilmenti ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b’mod kunfidenzjali. 

Apparti minn hekk, l-NCPE għandha l-kapaċità li toffri taħriġ lill-gruppi differenti dwar il-fastidju sesswali, tgħin lil min iħaddem biex idaħħlu fis-seħħ jew jaġġornaw politika dwar il-fastidju sesswali, u tqajjem kuxjenza permezz ta’ kampanji ta’ għarfien dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet relatati mal-fastidju sesswali.

L-NCPE appellat lil dawk kollha li jixtiequ aktar informazzjoni sabiex jidħlu fuq is-sit www.ncpe.gov.mt, u fakkret li dawk li jixtiequ jagħmlu kuntatt mal-kummissjoni b’mod dirett jistgħu jagħmlu dan billi jċemplu fuq 2276 8200 jew jibagħtu email fuq [email protected].

More in Socjali