Għadek ma tafx x'se ssemmi lit-tarbija? Luca u Mia kienu l-aktar ismijiet popolari fl-2022

Fl-2022 50.7% tat-trabi li twieldu kienu subien filwaqt li 49.3% kienu bniet 

Is-sena 2022 kienet għal darb’oħra sena ta’ ħidma impenjattiva għar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, fi ħdan l-Aġenzija Identità Malta. Minn 3,978 tarbija ġdida reġistrata għas-sena li għaddiet, l-aktar erba’ ismijiet popolari reġistrati għas-subien kienu dawk ta’ Luca, Liam, Noah u Matteo filwaqt li min-naħa femminili kienu Mia, Emma, Nina u Giulia. L-aktar ismijiet popolari Maltin kienu Ġanni u Luċija. B’kollox kienu 13-il tifla u 22 tifel li ngħataw isem Malti bl-użu tat-tipa Maltija. Dan wara li fl-2021 daħlu fis-seħħ l-emendi legali b’rabta mal-użu tal-karatteristiċi fit-tipa Maltija.

Matul is-sena li għaddiet, 2,016 (50.7%) mit-trabi li twieldu kienu subien filwaqt li 1,962 (49.3%) kienu bniet. Dan jirrifletti f’nuqqas ta’ 186 tarbija ġdida irreġistrata (4.7%) fl-2022 meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.

Id-domanda għas-servizz offrut mill-uffiċċju tal-Aġenzija Identità Malta fl-isptar Mater Dei tibqa’ waħda mfittxija ħafna. Matul is-sena 2022 kienu 90% li nnotifikaw lit-trabi tagħhom fl-uffiċċju tal-aġenzija ġewwa Mater Dei (li jammontaw għal 3,592 tarbija) filwaqt li 60.6% (2,314 -il mewt) irreġistraw persuna fl-istess uffiċċju. Reġistrazzjonijiet tat-twelid u mwiet jistgħu jsiru alternattivament kemm bil-posta jew online. Total ta’ 148 reġistrazzjoni ta’ twelid u mwiet matul is-sena 2022 saru permezz tas-servizz online, filwaqt li disa’ reġistrazzjonijiet ta’ mwiet biss saru permezz tas-servizz postali.

Reġistrazzjoni ta’ żwiġijiet matul is-sena 2022 ammonta għal 2,237, żieda ta’ 240 koppja oħra meta mqabbel mas-sena 2021. Kien hemm ukoll 31 koabitazzjoni rreġistrata, 26 reġistrazzjoni inqas mis-sena ta’ qabel filwaqt li saret reġistrazzjoni waħda għall-unjoni ċivili.

Applikazzjoni għall-akkwist ta’ ċertifikat kemm tat-twelid, mewt, żwieġ jew status ċivili tal-individwu jista’ jiġi ffaċilitat permezz tas-servizz online offrut mill-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Matul is-sena 2022 inħarġu total ta’ 69,042 ċertifikat tat-twelid, żwieġ jew mewt, żieda ta’ 654 ċertifikat maħruġ fis-sena 2021, li minnhom 40,960 ċertifikat inħarġu permezz ta’ ordni online u 28,082 saru permezz ta’ rikorrenza diretta fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku li jinsab fil-Marsa. Matul l-istess perjodu nħarġu wkoll 40 ċertifikat ta’ Koabitazzjoni u 693 ċertifikat ta’ Stat Liberu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta l-Kurunell Mark Mallia saħaq li s-servizzi mogħtija mill-aġenzija żdiedu matul din l-aħħar sena, fejn aktar nies qed jirrikorru għas-servizz offrut b’mod diġitali minn pjattaformi online, impenn li l-aġenzija kommessa tkompli twettaq fis-snin li ġejjin mingħajr ma jkun ta’ detriment għas-sigurtà. “Min-naħa l-oħra, rajna wkoll li s-servizz offrut fil-komunità, bħal dak fl-Isptar Mater Dei, baqa’ popolari u d-domanda għal dan is-servizz baqgħet tiżdied”, tenna l-Kap Eżekuttiv.

More in Socjali