€1.1 miljun li nġabru minn ċitazzjonijiet se jiġu investiti f'20 proġett għall-komunità

Fost il-proġetti dawn il-flus se jmorru għall-iżvilupp ta' spazji ġodda u investiment għas-sigurtà fil-lokalitajiet 

Għat-tielet sena konsekuttiva, l-aġenzija LESA, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, se tkun qed timplimenta 20 proġett differenti madwar Malta u Għawdex b’valur ta’ €1.1 miljun li nġabru miċ-ċitazzjonijiet.  B’hekk, fi tliet snin, se jkunu saru iktar minn 60 proġett b’investiment ta’ madwar €3.5 miljun.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fl-Imtarfa, bis-sehem ukoll tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Din il-lokalità hija waħda mis-sittax-il lokalità li se jibbenefikaw minn din l-iskema. Apparti dawn il-lokalitajiet, hemm ukoll tliet kunsilli reġjonali li se jibbenefikaw mill-iskema.

Għal din is-sena, l-aġenzija se tkun qed tinvesti:

  • f’investiment f’aspetti ta’ sigurtà fil-lokalitajiet;
  • fi żvilupp ta’ spazji ġodda li preżentement huma fi stat ta’ telqa;
  • f’tisħiħ ta’ spazji miftuħa eżistenti;
  • f’restawr ta’ postijiet storiċi; u
  • f’investiment fi trasport alternattiv.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li  “minn meta tnediet l-iskema ‘Proġetti fil-Komunità’, ħadd ma basar li kienet se tkun daqstant ta' suċċess u mfittxija mill-kunsilli lokali. Infatti kienu snin fejn kulħadd tgħallem minnhom u kiseb għarfien biex skemi simili li se jitħabbru ’l quddiem ikunu dejjem aktar ta’ fejda għall-komunitajiet Maltin u Għawdxin.”

Camilleri temm jgħid li l-proġetti magħżula din is-sena, kif sar fis-snin li għaddew, se jkunu qed iħallu impatt pożittiv fuq il-lokalitajiet u fuq kollox, fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva ta’ dawk il-kunsilli lokali u reġjonali li resqu ’l quddiem il-proġetti tagħhom li se jsarrfu fit-titjib tal-lokalitajiet u tal-ħajja tar-residenti.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, is-Sur Svetlick Flores, li sostna li sa mit-twaqqif tal-aġenzija fl-2015, l-għan prinċipali kien ambjent aħjar għaċ-ċittadin.

Il-kunsilli reġjonali li qed jibbenefikaw minn din l-iskema huma dawk tal-Lvant, in-Nofsinhar u l-Punent, filwaqt li l-kunsilli lokali huma: in-Nadur, il-Belt Valletta, Ħal Luqa, Pembroke, Ħal Għaxaq, San Lawrenz, San Ġiljan, in-Naxxar, is-Swieqi, il-Munxar, l-Imtarfa, Ta’ Xbiex, il-Marsa, il-Mosta, Ħad-Dingli u Tas-Sliema.

More in Socjali